Qorti
Mixli li ffalsifika l-passaporti fost 16-il akkuża oħra

Somalu ta’ 32 sena li jgħix f’Marsaskala tressaq il-Qorti akkużat b’16-il kap ta’ akkuża relatati ma’ traffikar tan-nies, iffalsifikar ta’ dokumenti u pussess ta’ droga kannabis.

L-ispetturi Frankie Sammut, John Spiteri u Dorianne Tabone akkużaw lil Mohamed Said Ahmed li għen diversi persuni biex jidħlu jew joħorġu minn Malta illegalment bil-ħsieb li jagħmel il-flus mis-servizzi illeċiti li joffrilhom.

Akkużawh ukoll li ffalsifika passaporti u li kellu fil-pussess tiegħu passaporti ffalsifikati u li għamel użu minnhom u li kellu fil-pussess tiegħu passaporti u karti tal-identitià Taljana ta’ persuni terzi u ttrasferihom lil persuni oħra. Huwa akkużat ukoll li huwa naqas milli jinforma lill-pulizija bil-passaporti ta’ ħaddieħor li spiċċaw għandu.

Il-pulizija xlewh ukoll li rrenda ruħu kompliċi ma’ persuna oħra meta ħa minuri ta’ seba’ snin f’pajjiż ieħor biex jinżamm jew jibqa’ ssekwestrat hemmhekk kif ukoll li għenu jaħrab u jibqa’ nieqes minn Malta.

Is-Somalu qed jiffaċċja wkoll akkużi ta’ pussess ta’ droga kannabis li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Permezz tal-avukat Alfred Abela, l-akkużat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. F’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat li jiġu ffriżati l-assi kollha tal-akkużat li baqa’ miżmum arrestat.