Qorti
Mixli li pprova jwettaq serqa minn ħanut tal-pasti f’Ħal Tarxien b’pistola finta

Raġel ta’ 36 sena nżamm arrestat wara li allegatament ipprova jwettaq serqa minn ħanut tal-pasti billi hedded lil żewġ ħaddiema b’pistola, li wara rriżulta li kienet ġugarell.

Antonio Mangion kien mixli bl-attentat ta’ hold-up minn ħanut fi Triq San Tumas f’Ħal Tarxien fil-5 t’Ottubru, ftit wara t-8.00pm. Huwa kien akkużat ukoll li żamm lil żewġ ħaddiema kontra r-rieda tagħhom u li weġġa’ ħafif lil waħda minnhom.

TVM infurmat li r-raġel daħal fil-ħanut liebes hoodie, fejn hedded lil żewġ salesgirls b’pistola sewda u kellimhom bit-Taljan. Huwa ħarab minn fuq il-post bla ma seraq xejn.

Fil-Qorti ntqal li r-raġel ġie identifikat wara li nqabad fuq filmat CCTV ħiereġ u dieħel fil-karozza tiegħu, li kienet ipparkjata fl-inħawi tal-ħanut, fil-ħin li seħħ ir-reat.

Mangion wieġeb mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest, bl-avukat tad-difiża tgħid li r-raġel kien fi stat fraġli u taħt xokk, u li kien għamel ġennata ta’ bla ħsieb. Qalet li r-raġel mhux ta’ periklu għas-soċjetà, u l-arrest se jkompli jiggrava l-problemi finanzjarji u ta’ droga li għadnu.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat u argumentat li r-reat kien wieħed gravi u hemm ċans li jekk jinħeles iwettaq reat ieħor, apparti li huwa familjari max-xhieda.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għad hemm xhieda li jridu jagħtu l-verżjoni tagħhom quddiem il-Qorti.