Qorti
Mixli li ta fastidju lil mara li ltaqa’ magħha darbtejn – bagħtilha 14,000 email

Amerikan ta’ 35 sena baqa’ arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’sensiela ta’ akkużi ta’ fastidju, segwiment bil-moħbi, użu ħażin ta’ mezzi varji ta’ kommunikazzjoni u theddid u b’hekk nissel biża’ f’mara Maltija li se tintuża vjolenza kontra tagħha. Jeremiah Joshua Jarrett kien akkużat ukoll li sar riċediv, li kiser ordni ta’ trażżin u li wettaq reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, l-akkużat qal li ma riedx li jkun rapreżentat minn avukat. L-Ispettur Jonathan Cassar qal li l-każ jaf il-bidu tiegħu fl-2015 meta l-akkużat kien iltaqa’ mal-mara Maltija u ltaqa’ magħha darba oħra biss. Qal li l-mara indunat li hemm xi ħaġa mhux normali fl-imġieba tar-raġel u għalhekk ma ridetx tibqa’ tiltaqa’ miegħu. Żied li l-Amerikan dan m’aċċettahx u baqa’ jinsisti u jdejjaqha sakemm f’April 2017 spiċċa l-Qorti u nstab ħati ta’ fastidju. Il-Qorti kienet ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-mara u l-Amerikan kien intbagħat lura l-Istati Uniti.

Mill-Istati Uniti, l-akkużat baqa’ jibgħat ammont eċċessiv ta’ emails lill-mara li kienet qed tagħmel rapport kull darba dwarhom, sakemm tant kien qed jibgħatilha emails li qatgħet qalbha tibqa’ tagħmillu rapport kull darba. L-Ispettur żied li dan l-aħħar bagħtilha email li fiha qalilha li kien reġa’ ġej Malta fit-2 t’ Ottubru u l-mara nfurmat lill-pulizija. Żied li jumejn ilu, il-mara kienet miexja mas-sieħeb tagħha f’San Ġiljan u ġiet wiċċ imb’ wiċċ mal-akkużat fejn inqalgħet kommossjoni għaliex talabha xi ċurkett li allegatament kien ta u xi karti.

L-Amerikan wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u li għandu difiża għalihom. L-Ispettur Cassar qal li qatt ma ltaqa’ ma’ każ hekk u li mill-mobile tal-akkużat instabu minn tal-anqas 14,000 email li kien bagħat lill-mara. L-akkużat talab biex jingħata l-ħelsien mill-arrest iżda l-Qorti ċaħdet it-talba minħabba n-natura serja tal-akkużi filwaqt li laqgħet it-talba tal-avukat Veronique Dalli li dehret għall-mara, u ħarġet ordni temporanja ta’ protezzjoni favur il-mara.