Lokali
Mixli li talab favuri sesswali lil martu quddiem binthom minuri

Raġel ta’ 42 sena minn Ħal Qormi ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li dalgħodu tressaq il-qorti mixli li ffastidja lil martu iktar minn darba u li talabha favuri sesswali quddiem binthom li hija minuri.

Ir-raġel li jaħdem f’supermarket wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bid-difiża talbiet għall-ħelsien mill-arrest wara li argumentat li dan l-aħħar, il-qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil raġel mixli bi stupru u ieħor akkużat bi traffikar ta’ droga.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba provi u reati gravi li allegatament seħħu quddiem bint il-koppja. Żiedet tgħid li l-imputat jidher li mhux jifhem li ż-żwieġ wasal fl-aħħar.

L-Avukat Emi Bezzina li qed jidher għal mara qal li l-klijenta tiegħu ilha għal dawn l-aħħar sena u nofs tmur għandu u kemm hi u kemm bintha jinsabu mwerwrin mill-akkużat. Qal li fil-medjazzjoni, l-akkużat qatt ma resaq il-qorti.

Is-seduta kienet ikkaraterizzata minn ħafna għajjat u storbju b’wieħed mill-avukati jgħid lil ieħor li jmissu jistħi li ħa miegħu lill-vittma l-qorti.