Lokali
Mixlija li kienu jużaw restoranti tal-ħut fil-Belt u Marsaxlokk biex jaħslu flus miż-żejt

Florinda Sultana ta’ 29 sena, bint is-sieħba tal-ex footballer internazzjonali Malti Darren Debono u Albert Buttigieg ex uffiċjali għoli tal-bank BNF wieġbu mhux ħatja ta’ diversi akkużi fosthom ta’ ħasil ta’ flus.

Sultana u Buttigieg kienu jmexxu żewġ restoranti tal-ħut li allegatament kienu involuti f’ħasil tal-flus b’rabta ma’ kuntrabandu taż-żejt.

Florinda Sultana qed tiġi akkużata wkoll bħala ex direttur tal-kumpaniji Nesvan u MSI Catering waqt li Buttigieg qed jiġi mixli wkoll bħala direttur tal-kumpanija Luzzu Catering, l-operaturi tar-restoranti Porticello u Capo Mulini.

Fl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ li jinvolvi ċirku kriminali ta’ kutrabandu ta’ €30 miljun, il-pulizija sabu li l-kumpaniji li kienu jmexxu dawn iż-żewġ restoranti kellhom rabtiet ma’ Debono. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest il-ġimgħa li għaddiet wara li ġie arrestat f’Diċembru li għadda.

Il-kumpaniji kellhom l-istess indirizz fi Swieqi u l-operat tagħhom kien simili ħafna fosthom mudell ta’ transazzjonijiet bankarji, tħaddim ta’ flus u l-istess awditur.

L-Ispettur James Turner xehed dwar l-investigazzjoni li saret b’rabta maż-żewġ restoranti fil-Belt u f’Marsaxlokk li t-tnejn jispeċjalizzaw fil-ħut.

Qal li dawn kellhom l-istess metodu ta’ ħlasijiet. Spjega li l-flus li kienu jdaħħlu mir-restoranti ma kinux jiġu ddepożitati u għalhekk kienu jevitaw mistoqsijiet mill-banek.

Waqt li Sultana kellha relazzjoni familjari ma’ Debono, Buttigieg allegatament kien jaqdih meta kien jaħdem il-Banif u għalhekk seta’ jaqbeż is-sistemi u jevita skrutinju finanzjarju.

Jinstabu €52,000 u oġġetti ta’ valur f’dar fil-Mosta 

Huwa żied jgħid li Sultana għażlet li tibqa’ siekta wara li f’Novembru li għadda ħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tagħha.

Fi tfittxija li saret fid-dar tagħha fil-Mosta, instabu €52,000 fi flus kontanti, bosta affarijiet tad-ditta fosthom Gucci u Armani u għaxar arloġġi tad-ditta Rolex. Instabu wkoll bosta dokumenti marbuta ma’ bejgħ mir-restoranti Porticello, Capo Mulini, Silver Horse u Onda Blu.

Hija kienet mistoqsija biex tagħti spjegazzjoni dwar dan il-ġid kollu fosthom karozza Audi A1.

Fil-qorti, l-Ispettur Danilo Francalanza mit-taqsima ta’ kontra l-ħasil tal-flus ippreżenta tliet kaxxi b’oġġetti prezzjużi li ġew elevati waqt it-tfittxija mid-dar ta’ Sultana.

Huwa żied jgħid li meta ġie interrogat, Buttigieg naqas milli jispjega kif in-negozju rnexxielu jirreġistra miljun ewro meta fl-istess waqt kien qed jingħad li qed iħabbat wiċċu ma’ problemi finanzjarji.

Fil-bidu tas-seduta, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkonfermat l-ordni dwar l-iffriżar tal-assi tal-akkużati waqt li laqgħet ukoll l-ordni tal-Qorti Kriminali biex ir-restoranti jibqgħu joperaw taħt superviżjoni.

L-Avukati Stefano Filletti u Martina Cuschieri qed jidhru għall-akkużati.