Lokali
Mixlija li serqet ktieb taċ-ċekkijiet ta’ anzjana u xtrat bih brazzuletta Rolex

Tanya Borg ta’ 39 sena li hija fattiga mir-Rabat u residenti Marsaxlokk baqgħet tinzamm arrestata wara li kienet akkużata li serqet cheque book ta’ anzjana ta’ 62 sena minn San Ġwann, u xtrat brazuletta lussuża Rolex li tiswa €4,400 b’ċekk falsifikat tal-Bank of Valletta.

Hija kienet akkużata wkoll li saret reċediva wara li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tlett darbiet oħra fuq każi separati.

Il-prosekuzzjoni spjegat kif l-akkużata qarrqet ukoll b’anzjan ieħor li għandu 75 sena biex serqitlu iżjed minn tliet elef ewro.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest minħabba li qalet li l-akkużata hija vittma tal-użura u li kien għalhekk li kienet qed tikkometti r-reati ta’ serq.

Intqal li zitha kienet lesta tagħmel tajjeb għad-danni ikkawżati mis-serq tal-ġojellerija. Qalet li l-vittma kienet lesta li taħfrilha u li missierha ħallas s-somma ta’ flus tal-użura, u kkoperat mal-pulizija.

Qalet ukoll li l-akkużata hija omm ta’ tliet minorenni u li wieħed minnhom jiċċelebra għeluq sninu għada.

Il-qorti ppreseduta mill-maġistrat Natasha Galea Sciberras ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużata hija reċediva u minħabba l-biża’ li jkunu kkontaminati l-provi u l-vittmi huma anzjani vulnerabbli. Hija laqgħet ukoll it-talba biex jiġu ffriżati l-assi tagħha.