Qorti
Mixlija li żammew u darbu koppja fil-Ħamrun biex serquha

Żewġ irġiel mill-Eritrea jinsabu mixlija b’sensiela ta’ akkużi biex serqu koppja li fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt kienet għaddejja mill-Ħamrun.

Daniel Syum Nrayo ta’ 31 sena u Maeaho Tesfay ta’ 25 sena qed jiffaċċjaw akkużi ta’ serq ta’ flus kontanti bi vjolenza minn fuq raġel Malti u mara mill-Moldova, li kkaġunaw ġrieħi gravi fuq il-mara u ġrieħi ħfief fuq ir-raġel u li żammew lill-koppja kontra l-volontà tagħha biex jisirquha.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, iż-żewġ akkużati, li wieħed minnhom qal li jgħix fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far u l-ieħor qal li m’għandux fejn joqgħod, iddikjaraw li ma jaħdmux. Huma wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi kontrihom.

L-avukat tal-għajnuna legali Noel Bartolo m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju u l-akkużati baqgħu miżmuma arresti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi, Lydon Zammit, Stephen Gulia u Stacy Attard.

Ara wkoll:

Żewġ persuni aggrediti u misruqa fil-Ħamrun