Miżuri fil-budget jiftħu l-bibien għal persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol

Iċ-Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna, stqarr sodisfazzjon bil-miżuri tal-budget maħsuba fost oħrajn biex jiftħu l-bibien tax-xogħol għal persuni b’dizabiltà.

Huwa sejjaħ il-budget bħala storiku għal persuni li għandhom diżabilità u wera l-fehma li għandu jagħmel differenza kbira biex persuni bħalu jibdew jaħdmu.

Wera t-tama li min iħaddem ma joħloqx ostakli għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-budget.

“L-impjieg u l-persuni b’diżabbilità hija uġiegħ ta ras, jien niltaqa ma ħafna persuni ‘diabilità li anki minnhom ikunu gradwati u ma jistgħux isibu xogħol u hija ħasra fl-istess ħin għax xi kultant l-employer mhux qed jara l-potenzjal tal-persuni b’diżabilità,” stqarr Scicluna.

Fil-budget tħabbar li min iħaddem persuna b’dizabiltà mhux ser iħallas l-bolla tiegħu u jista’ jitlob tnaqqis fuq il-profitt sa €4,500 għal kull persuna b’dizabiltà.

Dan biex tkun applikata l-liġi tal-1967 ħalli kumpaniji li jħaddmu aktar minn 50 ħaddiem, ikollhom mill-anqas tnejn fil-mija tal-impjegati li jkunu b’diżabilità.

Jekk dan ma jseħħx, il-kumpaniji ikollhom jikkontribwixxu €2,400 għal kull persuna b’diżabilità li suppost qed iħaddmu, sa massimu ta’ €10,000.

Dawn se jmorru f’fond nazzjonali għall-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbilità li jitmexxa mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ.

Miżura oħra kontra l-eskluzzjoni socjali taħseb biex meta persuna b’diżabilità ssib xogħol, tibqa’ xorta tieħu pensjoni sħiħa.

Is-Sur Scicluna laqa’ tajjeb ukoll l-impenn tal-gvern li f’din il-legislattura jiftah għaxart’idjar ghal persuni b’diżabiltà, l-ewwel waħda fis-Siġġiewi fejn diġa għaddej ix-xogħol biex jintlaħaq dan l-għan.

Diġa ħarġet sejħa għal espressjoni ta’ interess għal dar f’Għawdex u oħrajn f’Malta.

Oliver Scicluna qal li dan huwa pass storiku li se jsarraf f’serħan ill-moħħ lill-ġenituri li għandhom tfal b’diżabbilità.

“Għandek persuni b’diżabbilita li qed jgħixu ġol-komunita dak huwa fattur importanti ħafna. Illum aħna marbutin bil-konvenzjoni għan-nies b’diżabilita’, jiġifieri meta għandek persuna b’diżabbilta tista tgħix iktar fil-qalba tas-soċjeta fejn tista tmur tixtri, tisma l-quddies… dan ma kienx possibli? Le ma kienx,” spjega Scicluna.

Miżura oħra mħabbra fil-budget hi l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-wirt li jitħalla fi trusts lill-persuni b’diżabilità.

Il-Ministru tal-Finanzi qal li dan se jseħħ biex ir-riżorsi finanzjarji, assi u wirt li jitħallew minn ġenituri u persuni oħra lill-ulied u nies b’diżabbilità ikunu użati bl-aħjar mod u fl-aħjar interess tal-ulied.