Malta bi tkabbir ekonomiku iżjed minn 3 darbiet mill-medja tal-pajjiżi tal-UE

Ċertifikat ieħor għall-ekonomija mill-aġenzija internazzjonali tal-credit ratings, DBRS li kkonfermat ir-rating fil-livell A bi prospetti stabbli. L-aġenzija qalet li Malta kellha tkabbir ekonomiku iżjed minn tliet darbiet aktar mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, għalkemm osservat ukoll li għandha oqsma li jistgħu jkunu problematiċi biex isostni t-tkabbir.

L-ekonomisti tal-aġenzija DBRS qalu li kklassifikaw lill-ekonomija Malta fil-livell A minħabba li l-ekonomija Maltija s-sena li għaddiet kompliet tikber b’rati ta’ 7 fil-mija u żammet ir-ritmu tas-sena ta’ qabel. L-aġenzija qed tbassir li t-tkabbir ekonomiku ser jimmodera kemm minħabba fatturi internazzjonali kif ukoll għax l-ekonomija laħqet kważi l-kapaċità tagħha.

L-ekonomisti nnutaw li l-finanzi tal-Gvern kienu mgħejjuna mit-tkabbir ekonomiku bir-riżultat li l-Gvern reġa’ kellu bilanċ fil-budget waqt li d-dejn naqas għal 46% tal-Prodott Domestiku Gross. Żiedu jgħidu li surplus fil-finanzi tal-Gvern inkiseb anke mingħajr id-dħul mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment. L-aġenzija DBRS qalet li x-xejra tat-tnaqqis fid-dejn tal-Gvern ser tkompli. Osservat ukoll tibdil regolatorju u fil-qasam tal-ġustizzja u qalet li fis-sena li ġejja dan ser ikompli jtejjeb il-governanza. Attribwiet ukoll ir-rating f’dan il-livell ogħli minħabba li Malta hija fl-Ewropa u qed timplimenta r-regoli taż-żona ewro.

L-ekonomisti qalu li fatturi oħra li kkunsidraw huma r-rata għolja ta’ tifdil. Żiedu jgħidu li l-ekonomija Maltija hija miftuħa għal fatturi barranin minħabba d-dipendenza tagħha fuq setturi bħat-turiżmu, is-servizzi finanzjarji u l-gaming. Wissew li tibdil fir-regoli tat-taxxa u perċezzjoni ta’ nuqqas ta’ governanza jistgħu jolqtu ħażin l-ekonomija Maltija għax tkun tidher inqas attraenti għall-investiment. DBRS qalet li aspetti oħra li jista’ jkollhom impatt fuq il-ġejjieni tal-ekonomija Maltija huma l-piżijiet tal-intrapriżi statali u l-piż tas-sistema tal-pensjonijiet.

L-ekonomisti internazzjonali osservaw li miżuri fis-suq fosthom biż-żieda bil-ħaddiema nisa, il-ħaddiema barranin u aktar anzjani li jibqgħu fis-suq tax-xogħol evitaw l-effetti tal-inflazzjonarji fl-ekonomija waqt li din qed tieħu wkoll il-benefiċċji tar-riformi li saru fis-settur tal-enerġija. Huma qalu li l-Brexit, it-tibdil fir-regoli tat-taxxa fl-Unjoni Ewropea, in-nuqqas ta’ ħaddiema u l-problema fl-infrastruttura jistgħu jkunu problematiċi għas-sostenn tal-ekonomija. Ikkumentaw ukoll fuq miżuri li ttieħdu mill-gvern biex ikunu indirizzati dawn l-isfidi għalkemm qalu li jrid isir iżjed fuq in-nefqiet għal pensjoni u għas-saħħa.

Dwar is-settur tal-banek, DBRS qalet li l-banek lokali huma konservattivi u l-prudenza tagħhom tagħti saħħa lis-sistema finanzjarja. Żiedu jgħidu li t-tkattir tal-miżuri u l-inizjattivi li qed jittieħdu kontra l-ħasil tal-flus iridu jisskutaw biex ma ssirx aktar ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Mit-Tnejn li ġej l-Università ta’ Malta se jibdew ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni għal tliet elef u ħames mitt student, li aktar minn sittin fil-mija minnhom huma nisa. F’quddiesa ta’ ringrazzjament, l-Isqof…

Statistika

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li kien hemm 31 studenti tfajliet li ġew riferuti lis-servizz Għożża tul is-sena skolastika li għaddiet. Is-servizz Għożża joffri għajnuna lil tfajliet fl-età tal-iskola obbligatorja…

Lokali

565 persuna kienu rrapportati lill-Pulizija bħala nieqsa mill-bidu tas-sena sa tmiem Settembru. Minn dawn il-persuni 514 instabu waqt li 51 oħra għadhom irrapurtati nieqsa. Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Affarijiet…

Aktar