Qorti
Mobile phone ta’ Keith Schembri għadu suġġett għal inkjesta maġisterjali

Il-Kummissarju tal-Pulizija oġġezzjona li informazzjoni minn fuq it-telefon ċellulari ta’ Keith Schembri ssir magħrufa fil-kawża li Yorgen Fenech fetaħ fil-Qorti biex is-Supretendent Keith Arnaud jitneħħa mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-Imħallef Lawrence Mintoff kien ordna li informazzjoni fuq il-mobile phone ta’ Schembri tiġi ppreżentata fl-imsemmija kawża.

Madankollu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa sostna li l-mobile phone, li mhux l-istess wieħed li allegatament intilef, huwa suġġett għal inkjesta maġisterjali u għalhekk l-informazzjoni fih ma tistax tinħareġ għalissa.

Kien għalhekk li, permezz tal-Avukat tal-Istat, talab lill-Imħallef Mintoff biex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu.

L-Imħallef Mintoff iddeċieda li l-Pulizija kellha tiddikjara x’informazzjoni għandha kif ukoll meta u kif kisbitha waqt li talab lill-avukati ta’ Fenech biex jgħidulu xi prova kienu qed ifittxu u kif din l-informazzjoni kienet relevanti għall-kawża.