Lokali
Mollijiet ewlenin fil-Port il-Kbir se jitwessgħu biex jilqgħu cruise-liners akbar

Beda jasal minn barra t-tagħmir li se jiġi stallat fil-proġett ta’ €50 miljun biex vapuri li jżuru Malta jkunu jistgħu jitfu l-magni meta jkunu fil-Port il-Kbir; bl-attività abbord tkun tista’ tibqa’ għaddejja b’mod normali permezz tal-elettriku li jieħdu minn max-xatt. Dan il-proġett se jkopri bnadi differenti tal-port, bix-xogħol avvanzat l-aktar fejn jorbtu l-cruise-liners. Intant, fix-xhur li ġejjin se jitwessgħu żewġ mollijiet ewlenin biex jilqgħu aħjar għal cruise-liners kbar.

L-industrija dinjija tal-cruise-liners qed tmur għal vapuri kbar ħafna li saħansitra jaqbżu l-200,000 tunellata u jġorru ‘l fuq minn 5,000 passiġġier. Biex Malta tilqa’ għal din ir-realtà, l-awtoritajiet u l-operaturi ilhom jaħdmu biex jaċċertaw li l-faċilitajiet huma adegwati għal dan il-kobor ta’ vapuri.

F’dan l-isfond, il-kumpanija Valletta Cruise Port li tmexxi t-terminal tal-cruise-liners u faċilitajiet oħra fil-Port il-Kbir għandha f’idejha l-permessi biex il-mollijiet magħrufa bħala Pinto 4 u 5 jitwessgħu b’madwar 16-il metru.

Dawn il-mollijiet jinsabu minn fuq wara tal-bini tad-Dwana sa qabel tasal quddiem l-imħażen ta’ Pinto. L-estensjoni tal-mollijiet ser issir fil-baħar, bix-xogħol ser isir minn Infrastructure Malta li ħarġet sejħa għall-offerti li tagħlaq fil-11 ta’ Novembru.

Kelliem għall-aġenzija qal li jekk kollox imur sewwa sal-aħħar tas-sena titlesta l-evalwazzjoni tal-offerti u jkun beda x-xogħol.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, qal li dan ix-xogħol se jippermetti li hawnhekk jorbtu vapuri kbar mingħajr il-ħtieġa tal-braken li jintużaw bħalissa u għalhekk l-operat ikun aktar sigur u attraenti.

“Importanti li x-xogħlijiet isiru fi żmien stipulat għax ovjament is-sena d-dieħla ħa jkun wieħed challenging ħafna għalina għax se nkunu qed noperaw prattikament b’moll wieħed. Jiġifieri għandna bżonn l-assistenza ta’ Transport Malta bħalma dejjem sibna biex nużaw mollijiet oħrajn meta jkollna aktar minn vapur wieħed mill-port.”

Intant, miexi ġmielu x-xogħol biex jintlaħaq l-għan li sa sentejn oħra l-cruise-liners ikunu jistgħu jitfu l-magni meta sorġuti mal-mollijiet u jieħdu l-elettriku direttament mis-sistema nazzjonali tal-enerġija. Kuntratturi ta’ Infrastructure Malta lestew it-tħaffir ta’ trinek fuq il-mollijiet biex minnhom għaddew il-cables għall-elettriku lill-cruise-liners. Aktar ‘il ġewwa fil-port, fil-parti magħrufa bħala Xatt l-Għassara tal-Għeneb, bħalissa qed tissaqqaf binja ġdida li se tilqa’ wieħed minn żewġ stazzjonijiet li se jkollu l-proġett tas-Shore to Ship biex minn hawnhekk il-frekwenza tal-elettriku tinqaleb għal dik li jeħtieġu l-vapuri. It-tagħmir għal dan l-istazzjon inħadem l-Italja u wasal Malta.

Il-proġett se jwassal il-provista tal-elettriku ma’ mollijiet oħra fil-Port il-Kbir fejn jorbtu vapuri bħal tal-merkanzija. Bil-proġett qed ikun stmat li t-tniġġiż tal-arja mill-vapuri se jonqos b’aktar minn 90%.