Knisja Maltija
AĠĠORNAT: Mons Mario Grech jingħata kariga prestiġjuża fil-Vatikan

Għawdex ser ikollu Isqof ġdid wara li l-Papa Franġisku ħatar lil Monsinjur Mario Grech f’kariga prestiġjuża fil-Vatikan.

L-Isqof Grech issa hu l-Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet biex minn Awwissu li ġej ikun s-Segretarju Ġenerali meta l-Kardinal Lorenzo Baldisseri, li hu s-Segretarju Ġenerali attwali tas-sinodu, itemm il-mandat tiegħu.

L-aħbar, li għadha kemm ingħatat mill-Vatikan, tgħid li Monsinjur Mario Grech inħatar Amministratur Appostoliku għad-Djoċesi ta’ Għawdex, sakemm jinħatar Isqof ġdid biex imexxi l-knisja f’Għawdex.

Is-Sinodu tal-Isqfijiet twaqqaf mill-Papa Pawlu VI fl-1965, fuq talba tal-isqfijiet li kienu ħadu sehem fil-Konċilju Vatikan II bil-għan li jibqa’ ħaj fosthom l-ispirtu ta’ mixja flimkien li wettqu fl-istess konċilju. Il-Papa Franġisku ġedded din l-istruttura sena ilu.

Is-Sinodu għandu Segretarjat Ġenerali magħmul minn Segretarju Ġenerali, Sottosegretarju, u għadd ta’ kunsilli speċjali tal-Isqfijiet. L-ewwel impenn f’Ruma għall-Isqof Grech jibda min-nhar il-Ħadd li ġej, billi l-Papa Franġisku ħatru membru tal-assemblea speċjali tas-Sinodu li se titratta kwistjonijiet li jolqtu r-reġjun tal-Amażonja. Apparti dawn l-assemblei speċjali, is-Sinodu jiltaqa’ f’assemblea ġenerali ordinarja għal kwistjonijiet dwar il-ġid tal-knisja jew f’assemblea ġenerali straordinarja għal kwistjonijiet urġenti.

L-Isqof Mario Grech għandu 62 sena. Hu t-tmien Isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex u ilu f’din il-kariga 13-il sena.

Fi stqarrija wara li ħarġet l-aħbar, l-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi ferħu lil Mons Grech.

Ara wkoll:

ARA: “Nistqarr li nħsadt u kont indeċiż”