Ekonomija u Finanzi
Moody’s tgħolli r-rating ta’ Malta minn A3 għal A2

Għall-ewwel darba, Malta kisbet rating ta’ A2 mill-Aġenzija Moody’s li tejbet ir-rating ta’ Malta mil-livell ta’ A3 għal A2 bi prospetti stabbli. Dan huwa s-seba’ l-aħjar rating li l-Aġenzija tagħti, li jpoġġi lil Malta fil-klassi ta’ pajjiżi meqjusa li għandhom ekonomija li għaddejja tajjeb u qed tagħmel avvanzi sostanzjali. Il-Gvern qal li dan kien l-ewwel darba fi ħdax-il sena, li Moody’s irrevedew ‘il fuq ir-rating ta’ Malta.

L-ekonomisti tal-Aġenzija Moody’s taw rating ta’ A2 bi prospetti stabbli lil Malta wara li qiesu t-titjib fil-finanzi tal-Gvern u prospetti li jindikaw li r-ritmu ekonomiku ser iwassal għal iżjed tkabbir fl-ekonomija. Qalu li l-prospetti huma stabbli għaliex id-dejn tal-Gvern kompla jonqos, anke jekk qalu li r-ritmu tat-tkabbir ekonomiku u t-tnaqqis tad-dejn ser ikun b’pass aktar kajman mir-rati eċċezzjonali tal-aħħar snin.

Moody’s qalet li t-titjib lir-rating ta’ Malta huwa msejjes fuq l-aspettettivi tagħha li l-Gvern ikompli jagħti rkaptu għall-isfidi istituzzjonali fosthom ir-riskji tas-servizzi finanzjarji. L-ekonomisti osservaw li d-dejn tal-pajjiż naqas minn 70% fl-2011 għal 46% tal-prodott domestiku gross is-sena li għaddiet u l-imgħaxijiet fuq id-dejn naqsu bin-nofs. Huma attribwew it-tnaqqis fid-dejn għad-dħul akbar tal-gvern li rriżulta mit-tkabbir ekonomiku sostnut u mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment kif ukoll għal politika finanzjarja prudenti b’mod li l-infiq tal-Gvern baqa’ kkontrollat.

Waqt li taw ċertifikat tajjeb lil politika ekonomika u fiskali tal-Gvern, l-esperti ta’ Moody’s innutaw b’mod pożittivi r-riformi strutturali fosthom fl-Enemalta u fl-Air Malta li bdew jaħdmu bi qligħ u tnaqqis fil-garanziji tal-Gvern fuq id-dejn ta’ entitajiet statali. L-ekonomisti qablu mal-konklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li l-ekonomija Maltija ser tibqa’ tikber b’rata akbar minn ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, minkejja l-limitazzjonijiet tal-pajjiż fosthom fl-infrastruttura u nuqqas ta’ housing u ta’ ħaddiema. Ir-rapport jinnuta li dawn qed jiġu indirizzati bi programmi ta’ investiment fl-infrastruttra tat-toroq u fil-housing li ser jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku.

Moody’s qalet li l-bixra tal-ekonomija Maltija nbidlet b’enfażi akbar fuq is-servizzi u qalet li dan wasal biex il-ħaddiema barranin, l-akar Ewropej f’dan is-settur tejbu l-produttività b’żieda fil-valur miżjud. Osservat ukoll li t-turiżmu nfirex matul ix-xhur kollha tas-sena u dan wassal biex din l-industrija żammet il-pass ma’ oqsma oħra tas-servizzi finanzjarji.

Aħbarijiet Oħra
Festi

Ħadd wara l-festa ta’ Santa Marija, illum ġew iċċelebrati tliet festi li jħaddnu elementi uniċi. TVM żar il-purċissjoni ta’ Santa Liena li ssir filgħodu, l-offerta għall-irfiegħ tal-istatwa ta’ Santa Marija…

Kronaka

TVM jista’ jiżvela li t-testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet umani li kważi xahar ilu nstabu moħbija f’daħla f’sur tal-Belt huma ta’ Charlene Farrugia, it-tfajla ta’ 25 sena li kienet irrapportata nieqsa…

Kronaka

Tfajla ta’ 23 sena minn San Ġwann tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident bi quad bike f’Għawdex. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-15:00 fi Triq ir-Rabat, fin-Nadur meta tfajla ta’ 23…

Kronaka

Sewwieq ta’ mutur ġie rikoverat wara li kellu inċident f’ Triq il-Kosta għall-ħabta ta’ nofsinhar. Il-Pulizija qalet li r-raġel ta’ 42 sena mill-Ħamrun kien qed isuq mutur tal-għamla Yamaha meta…

Aktar