Kultura
Mort iċ-Ċina? Tista’ taqsam l-esperjenza tiegħek fi ktieb ġdid

Maltin li marru ċ-Ċina jistgħu jiddokumentaw il-vjaġġ u l-esperjenzi li kellhom f’dan il-pajjiż Asjatiku fi ktieb li qed isir miċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta.

L-ewwel ktieb ‘China in My Eyes’ jagħti togħma tal-kultura, storja u tradizzjonijiet rikki li għandu dan il-pajjiż, li għalkemm jinsab eluf ta’ kilometri ‘l bogħod, għandu rabtiet ma’ Malta li jmorru lura 50 sena.

B’aktar minn 1.4 biljun persuna, iċ-Ċina għandha r-rekord dinji tal-akbar popolazzjoni fid-dinja.

F’perjodu ta’ sena, f’dan il-pajjiż Asjatiku nbnew mill-inqas 73 skyscrapers ġodda, b’uħud minnhom ikklassifikati bħala l-ogħla bini fid-dinja.

Iżda ċ-Ċina huwa wkoll pajjiż mogħni bl-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet.

Esperjenzi u stejjer ta’ diversi nies Maltin li żaru ċ-Ċina sabu ruħhom fi ktieb li nkiteb bil-għan li nifmhu ftit aktar din il-kultura diversa u l-impatt li ħalliet fuq min żar dan il-pajjiż.

L-editur ta’ ‘China In My Eyes’ Fiona Vella kellha l-opportunità li żżur dan il-pajjiż u spjegat li l-idea tal-ktieb nibtet mill-gruppi li jittellgħu kull sena miċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta.

“Kull min imur ma jistax ma jkunx impressjonat biċ-Ċina. Iċ-Ċina tant hi differenti … f’dak li tara … f’dak li tisma …. ħafna mill-affarijiet li nieħdu for granted għandhom meaning għaliex jinbena ġnien b’dak il-mod … għaliex tgħid dik il-ħaġa ghaliex dik iż-żifna jiġifieri trid u ma tridx bilfors qalbek se tiġi minsusa minn xi ħaga, ħsibijitek”.

F’għeluq il-50 sena tar-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u Malta, id-Direttur taċ-Ċentru Kulturali f’Malta Yang Xiaolong qal li huwa kuntent li f’dan il-ktieb jistgħu jinqraw esperjenzi ta’ kittieba, ġurnalisti, artisti u ħafna oħrajn li gawdew din l-opportunità.

“When the artists come back to Malta they create artworks, some even write good articles, some are published on newspapers, some see their artwork and writings even if they haven’t been to China”.

Mario Azzopardi, li huwa d- Direttur tal-Kultura fil-Ministeru għall-Kultura, kien wieħed mill-viżitaturi li apprezza sew din il-mawra u fisser kif din l-esperjenza żgur mhu se jinsiha qatt.

“Meta ssib ruħek f’pajjiż bħalma huwa ċ-Ċina bilfors timpressjona ruħek. Fost l-iktar affarijiet li impressjonawni mhux il-ħajja fil-Belt imma meta tmur fil-villaġġi ż-żgħar l-ewwel ħaġa s-serenità li tħoss u l-mod tal-għixien tagħhom. Anke meta jkellmuk għandhom ċertu filosofija lejn il-ħajja”.

Kull min żar iċ-Ċina għandu ċans jesponi l-esperjenza tiegħu f’dan il-ktieb b’deskrizzjoni qasira u anke ritratti li jridu jaslu għand iċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta mhux aktar tard mill-aħħar ta’ dan ix-xahar.