Barranin
Moska tħabbat wiċċha ma’ varjant aggressiv ġdid tal-Covid-19

Il-belt kapitali Russa qed tissielet ma’ varjant ġdid tal-Covid-19 li huwa aktar aggressiv u li jinxtered aktar malajr mill-varjanti li diġà nfirxu mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Is-sindku ta’ Moska, Sergey Sobyanin qal li fil-belt kapitali Russa mistenni jiġi rreġistrat numru rekord ta’ każi ġodda ta’ Covid-19. Qal, li ta’ kuljum b’mod ġenerali Moska kien ikollha madwar 3,000 każ ġdid. Żied, li fi ftit jiem dawn telgħu għal 7,000. Sobyanin qal li dan in-numru mistenni jkompli jitla’ peress li llum hu stmat li f’Moska se jitħabbru mad-9,000 każ ġdid ta’ Covid.

F’dan l-isfond, Sobyanin qal li Moska se terġa’ żżid ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 sad-29 ta’ Ġunju. Fost l-oħrajn, ma jistgħux isiru attivitajiet tal-massa b’aktar minn 1,000 ruħ, il-ħwienet tal-kafè u r-ristoranti ma jistgħux jiftħu filgħaxija, u ngħalqet il-Fan Zone tal-Euro 2020 f’Moska.