“Mostru li jgħix ġo fik, li jeħodlok l-identità tiegħek u jħallik f’solitudni kbira”

Biex nitfgħu f’kuntest dak li jgħaddi minnu vittma maħkum minn xi tip ta’ diżordni fl-ikel tkellimna ma’ Claudia Faniello, kantata u edukatriċi li meta kellha biss tnax-il sena nħakmet mill-bulimja. Faniello spjegat li dak li għaddiet minnu tiddeskrivih bħala mostru li jeħodlok l-identità u l-valuri kollha li trabbejt fihom. Qalet li f’dak il-perjodu kienet tħoss solitudni kbira.

Iddeskriviet il-bulimja bħala ostaklu li affettwa kull ħaġa li tagħmel mill- iktar affarijiet sempliċi u ta’ rutina li nagħmlu matul il-ġurnata sa relazzjonijiet varji ma’ ħbieb u membri tal-familja. Spjegat li wieħed mill-fatturi għaliex waslet f’dan il-punt kien li ma kienitx tara lilha nnifisha minn lenti tajba. Fatturi oħra kienu sitwazzjonijiet stressanti li kienet għaddejja minnhom u għalhekk sabet refuġju f’din il-kundizzjoni. Qalet li temmen ħafna li min ibati jew kien ibati minn xi tip ta’ diżordni marbuta mal-ikel irid jibqa’ attent u konxju minn dak li għadda minnu għaliex huwa faċli ħafna li terġa taqa’ fl-istess nasba. “Dak li jgħaddi minnu kull min sofra minn xi diżordni marbuta mal-ikel mhijiex xi ħaġa fiżika biss, imma wkoll psikoloġika għalhekk, għalkemm tista’ toħroġ minna, tibqa’ ġġorrha miegħek tul ħajtek kollha”.

“Meta tkun għaddejja minn dak il-perjodu negattiv, tħoss li l-kundizzjoni hija akbar minnek, biss jeżistu stejjer ta’ suċċess” tenniet Faniello. Saħqet li l-edukazzjoni u l-għarfien f’dan ir-rigward hija għodda fundamentali biex jiġu evitati aktar vittmi.