Ambjent
Mozzjonijiet kontrastanti bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar l-emerġenza fil-klima

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni ppreżentaw mozzjonijiet kontrastanti dwar l-emerġenza fil-klima bil-mozzjoni tal-Gvern temenda dik tal-Oppożizzjoni li trid li jitwaqqaf kumitat parlamentari li jkollu s-setgħa jaħtar superintendent biex jiżġura li Malta tilħaq il-miri stabbiliti skont liġi approvata fil-Parlament li jippubblika rapporti dwar il-kwistjoni.

Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tressqet mid-Deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi, Fredrick Azzopardi, David Agius u Robert Cutajar.

Id-Deputat Jason Azzopardi qal li Malta ma tistax tibqa’ newtrali fil-każ tat-tibdil klimatiku.  Qal li l-Kamra tad-Deputati għandha tfassal u tapprova liġi li tobbliga li Malta tilħaq miri stabbiliti sas-sena 2030 u s-sena 2050.

Huwa qal li s-sena li għaddiet 83 vapur tal-passiġġieri li żaru Malta ġeneraw 500 tunellata ta’ kubrit (sulkphur oxide) meta 180,000 karozza f’Malta jiġġeneraw tliet tunellati u nofs. Qal li l-kontroll jista’ jseħħ b’tagħmir li jipprovdi l-Gvern biex vapuri tal-passiġġieri ma jużawx żejt li jniġġes fil-portijiet.

Qam iwieġeb il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri li qal li fil-mozzjoni l-Oppożizzjoni injorat għal kollox liġi approvata mill-Parlament fl-2015 dwar azzjoni għat-tibdil fil-klima. Fost l-għanijiet, il-liġi tesiġi li Malta tkun carbon neutral sal-2050. Qal li din il-liġi waqqfet kumitat ta’ esperti waqt li issa l-Oppożizzjoni trid kumitat ta’ politiċi.  Huwa żied jgħid li Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi li ħatret ambaxxatur għat-tibdil fil-klima. Id-Deputat Camilleri akkuża lill-Oppożizzjoni li trid tagħmel ħsara lit-turiżmu maħluq mill-vapuri tal-passiġġieri għax qal li l-kubrit ma jikkontribwixxix għall-effett serra.

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ppreżenta emenda għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni bl-emenda tafferma liġi li approva l-Parlament Malti fl-2015 fejn għaraf l-emerġenza fit-tibdil fil-klima u ħatar kumitat ta’ esperti li jgħid x’azzjonijiet għandhom jittieħdu. Dan il-kumitat huwa mmexxi mill-ambaxxatur Malti għat-tibdil fil-klima. Huwa qal li l-Oppożizzjoni kienet ivvutat favur din il-liġi.

Il-Ministru Herrera elenka miżuri li ha l-Gvern f’dan il-qasam kif ukoll il-proposti li hemm biex jonqsu l-emissjonijeit minn gassijiet li jħammġu.  Qal li l-Gvern lest li jibdel l-isem tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent biex ikun jinkludi t-tibdil fil-klima.  Qal li l-rapport tal-kumitat ta’ esperti għandu joħroġ fi żmien 3 xhur u jkun diskuss fil-kumitat.

Id-Deputat Kap tal-Oppożizjzoni David Agius qal li l-Oppożizzjoni trid Kumitat Parlamentari biex jagħmel skrutinju fuq ix-xogħol tal-gvern u ma jwaqqax ix-xogħol tal-kumitat tal-esperti.  Qal li l-Gvern naqas li joħroġ l-id tal-ħbiberija bil-Ministru Herrera jwieġbu li ħadd mill-Oppożizjoni m‘avviċinah biex issir mozzjoni waħda.

Id-Deputat Agius appella li jinstab mezz kif iż-żewġ naħat jiftehmu fuq mozzjoni waħda qabel jittieħed il-vot il-ġimgħa d-dieħla.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ħabbret sensiela ta’ kunċerti bit-tema Flimkien, fi djar u villaġġi għall-anzjani. Il-kunċerti li se jsiru kull nhar ta’ Ġimgħa filgħodu għandhom l-għan li jwasslu messaġġ pożittiv…

Sport

24 siegħa wara li l-Kunsill tal-MFA iddeċieda li jikkonferma lil Floriana FC bħala Champions tal-BOV Premier League 2019/20, l-eks President tal-MFA Norman Darmanin Demajo stqarr li “ħafna mid-deċiżjonijiet kienu inevitabbli”….

Qorti

Tewmin ta’ 40 sena ntbagħtu 92 xahar ħabs bejniethom wara li ammettew li serqu ħames anzjani f’Diċembru u Jannar li għadda. Il-każi seħħew fiż-Żejtun, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid. F’Jannar…

Aktar