Annimali
Multa għal min iżomm il-kelb marbut

Tħabbru regolamenti ġodda li fost oħrajn jipprovdu għal pieni ħorox għal minn iżomm kelb marbut b’ċinga jew katina l-ħin kollu. Għalkemm fit-triq iridu jinżammu biċ-ċinga, il-klieb ma jista’ jitħallew marbuta kontinwament. Is-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali Clint Camilleri qal li r-regolamenti ġodda jaħsbu għal ċirkustanzi oħra biex il-klieb ma jinħaqrux.

Id-drawwa komuni fost uħud li jżommu l-klieb marbuta l-ħin kollha saret illegali b’regolamenti ġodda għal ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali. Ir-regolamenti l-ġodda jipprojbixxu wkoll l-użu ta’ kullar li jikkaġunaw moħqrija fuq il-klieb.

Il-President tal-kunsill għall-ħarsien tal-annimali Nevice Borg Caligari qalet li dawn ir-regolament ilhom snin mistennija. Hija wriet it-tama li s-sidien tal-klieb jagħrfu r-responsabiltà tagħhom.

Nevice Borg Caligari qal “rajt b’għajnejja klieb li għal 12-il sena jgħixu fuq bejt fuq biċċa pallet u wara sidha ried jeħles minnha, grazzi għal din il-liġi, se ngħidu le li kelb ma jixraqlux jgħix din il-ħajja, imma jkun parti mill-familja”.

Hija stqarret li huma ftit li li mhux jittrattaw tajjeb il-klieb tagħhom għax fil-maġġoranza dawn jinżammu fuq l-idejn mis-sidien tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri spjega li r-regoli l-ġodda jipprovdu wkoll għal spazji xierqa għal klieb. Il-Perit Camilleri qal li l-kelb irid jinżamm f’post adekwat li jkollu fost oħrajn ċirkolazzjoni tal-arja u dawl. Is-Segretarju Parlamentari qal li min jinqabad jikser ir-regolamenti, jista’ jeħel minn €1,000 sa €55,000 għall-ewwel kontravenzjoni u jekk jerġa jinqabad l-multa titla’ għal €80,000 u jista’ anke jeħel sa tlett snin ħbs.

Il-Perit Camilleri qal li kelb li jinħareġ f’post pubbliku xorta jrid jinżamm b’ċinga li tkun adegwata li biha ma jinħaqarx. Ir-regolamenti jinkludu wkoll li meta kelb jiġi ttrasportat, dan għandu jsir b’mod xieraq biex il-kelb ma jbatix. Qal li l-kelb huwa annimal soċjevoli li jeħtieġ interazzjoni ma’ bnedmin jew annimali oħrajn u b’dawn ir-regolamenti qed jitħares l-aspett fiżiku u psikoloġiku tiegħu.