COVID-19
Multa ta’ €50 għal min ma jilbisx maskra – se jinfetħu żewġ swab centres ġodda

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-Kunsill qabel fuq għadd ta’ punti b’eċċezzjoni għall-Assoċjazzjoni Medika li ma tridx li jsiru attivitajiet bħal tiġijiet. F’kummenti lill-ġurnalisti fi tmiem laqgħa ta’ iktar minn 6 sigħat, Dr Abela qal li attivitajiet tal-massa mhux se jsiru. Il-Prim Ministru qal li jistgħu jsiru biss attivitajiet bħal tiġijiet.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, ħabbret li l-ilbies tal-maskri tal-wiċċ se jkun obbligatorju fosthom fuq il-karozzi tal-linja, fil-ħwienet, fl-ajruport u fuq il-vapuri tal-Gozo Channel. Il-Professur Gauci qalet li min jinqabad mingħajr maskra se jiġi mmultat €50.

Qalet li se jidħlu fis-seħħ miżuri ta’ protezzjoni għall-anzjani fid-djar residenzjali fosthom b’iktar ittestjar tal-carers u restrizzjonijiet għall-viżitaturi li se jibqgħu jitħallew jaraw lill-anzjani iżda minn wara perspex biex ma jkunx hemm kuntatt fiżiku.

F’miżura biex jiġu protetti l-pazjenti fl-Isptar Mater Dei, il-Professur Gauci qalet li se jerġgħu jidħlu restrizzjonijiet fuq il-ħinijiet tal-viżitaturi fl-isptar. Fl-isfond ta’ żieda fid-domanda għal testijiet, il-Professur Gauci ħabbret li mill-ġimgħa d-dieħla se jinfetħu żewġ swab centres ġodda.

Dwar ċerti avvenimenti li se jkunu jistgħu jiġu organizzati u li mhumiex attivitajiet tal-massa, il-Professur Gauci qalet li se jkun hemm limitu ta’ kemm nies jistgħu jattendu għalihom. Qalet li dan l-ammont se jvarja bejn ġewwa u barra.

Il-Professur Gauci qalet li l-emendi fil-liġijiet se jsiru llum biex dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ. Fakkret li l-kwarantina hi obbligatorja għal kull min għandu l-virus u għall-persuni li seta’ kellhom kuntatt man-nies morda bil-Covid-19.

Il-Prim Ministru qal li b’dawn il-miżuri jħoss li ntlaħaq bilanċ bejn is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika, Martin Balzan, qal li l-oġġezzjoni tal-MAM mhix biss għat-tiġijiet imma għal kull forma ta’ attività li tiġbor fiha numru ta’ nies flimkien speċjalment dawk bilwieqfa.

Hu qal li min se jorganizza tieġ għandu jaħsibha sew għax qal li l-għadd ta’ każi ġodda li se jitħabbru llum se jkunu għoljin ħafna. Irrefera għad-deċiżjoni taċ-Ċentru tal-Mard Infettiv fl-Istati Uniti li kklassifika lil Malta bħala pajjiż ta’ riskju għoli.

Dr Balzan irrimarka li t-tobba huma inkwetati ħafna minħabba ż-żieda fil-każi. Sostna li m’hemmx lok għal parties kummerċjali għax l-ewwel miżura għandha tkun il-protezzjoni tas-saħħa tan-nies. Dr Balzan qal li se jibqgħu fis-seħħ id-direttivi ordnati mill-MAM lit-tobba tal-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar