Lokali
Multa u jista’ jiġi ordnat jitlaq mill-post min jikser ir-regoli meta jikri akkomodazzjoni 

Avviż legali li daħal fis-seħħ jipprovdi għal multa ta’ mitt Ewro lil kull persuna li tinqabad fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika li mhumiex liċenzjati jew ikun fihom aktar persuni milli suppost. Din hi miżura oħra maħsuba biex trażżan l-imxija tal-COVID-19.

Skont ir-regolamenti li jkopru l-perjodu tal-Karnival iżda jibqgħu fis-seħħ sal-aħħar ta’ Frar, fejn jinstabu irregolarijiet il-persuni kollha jistgħu jintalbu li joħorġu mill-post ta’ akkomodazzjoni a spejjeż tagħhom jew ta’ min ipprovdielhom l-akkomodazzjoni.

Fl-avviż legali ngħad li l-għadd ta’ persuni fi stabbiliment għall-akkomodazzjoni turistika m’għandux ikun aktar mill-għadd ta’ sodod liċenzjati. Intqal li meta n-numru ta’ sodod mhux speċifikat fil-liċenzja mhux permess li jkun hemm aktar minn għaxra min-nies f’post wieħed u mhux aktar minn żewġ persuni f’kull kamra.

Il-multa għas-sidien tal-proprjetà li jiksru dawn ir-regolamenti taqbeż l-elfejn u tliet mitt ewro.

B’reazzjoni, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex qalet li b’dan l-avviż legali, l-operaturi u s-sidien liċenzjati qed jinżammu responsabbli u mmultati għal sitwazzjonijiet li jaf ma jkunux fil-kontroll tagħhom.

L-Assoċjazzjoni qalet ukoll li dawn ir-regolamenti qed jiffavorixxu lill-operaturi ta’ proprjetajiet mhux liċenzjati, billi l-multi huma l-istess għal kulħadd.

L-Assoċjazzjoni qalet li waqt li tifhem li l-Gvern irid jaddotta miżuri biex iħares is-saħħa pubblika, tistenna li dawn il-miżuri ma jiddiskriminawx bejn stabbilimenti fl-istess settur.