Qorti
Multa u liċenzja sospiża wara li laqat serkin fil-Qrendi u darab gravi lill-ġerrej

Raġel ta’ 49 sena kellu sentenza tal-Qorti mibdula wara li nstab ħati li laqat serkin u weġġa’ gravi lill-ġerrej meta kien qed isuq vann fil-Qrendi.

Il-każ kien seħħ f’Lulju tal-2017, meta Albert Spiteri ħareġ bil-vann minn ġo triq sekondarja għal ġo Triq il-Wied. Kien dak il-ħin li laqat lis-serkin u qaleb minn fuqu lill-ġerrej, li sofra ksur f’diversi partijiet ta’ ġismu. Intqal li ż-żiemel ukoll beda jbati minn uġigħ f’riġlejh wara l-inċident.

L-ewwel Qorti kienet iddeċidiet li Spiteri ma kienx attent biżżejjed meta laqat lis-serkin, u mmultatu €1,164 u ssospendietlu l-liċenzja għal ħmistax. Madanakollu huwa appella mis-sentenza, li reġgħet ġiet mibgħuta biex tkun deċiża mill-ġdid mill-Qorti Kriminali.

Spiteri argumenta li fil-ħin tal-inċident ħareġ bil-mod mit-triq għax kellu x-xemx f’għajnejh u ma bediex jara. Qal li lis-serkin ma rahx, u sakemm sema’ lill-ġerrej jgħajjat kien tard wisq, għax laħaq laqtu. Il-ġerrej, li qal li kien tielgħa mit-triq ewlenija bit-tektika, ra lill-vann minn qabel, iżda stenna li dan kien se jieqaf biex iħallih jgħaddi.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq, qalet li l-fatt li Spiteri kellu x-xemx f’wiċċu ma jiskolpahx milli jżomm ‘a proper lookout’, u lanqas il-fatt li ma kienx hemm sinjal ta’ ‘Stop’ mal-ħruġ tat-triq sekondarja.

Huwa għalhekk instab ħati ta’ sewqan perikoluż u kien immultat €600, waqt li kellu wkoll il-liċenzja tas-sewqan sospiża għal tliet xhur.