Qorti
Multa wara li kkaġuna l-mewt ta’ sieħbu b’sewqan traskurat tal-jet ski

Gerrit Van Der Veen, Olandiż ta’ 19-il sena weħel multa ta’ €2,500 wara li nstab ħati li saq jet ski b’mod traskurat u kkaġuna l-mewt ta’ sieħbu, Mart De Ruiter.

Il-każ imur lura għal Santa Marija tal-2018, meta l-imputat, il-vittma u ħabib ieħor irħewlha għal dawra bil-jet skis fil-bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan.

Fil-Qorti ngħad li l-imputat u sħabu kienu qed isuqu l-jet skis meta seħħet ħabta bejn il-jet ski misjuq mill-imputat u dak mill-vittma. Mad-daqqa l-vittma waqa’ fil-baħar u tilef ħajtu. Mill-awtopsja ħareġ li huwa miet wara li ġarrab ksur f’rasu.

Ħareġ li lejlet l-inċident fatali l-imputat xorob bejn għaxra u 15-il flixkun birra qabel mar jorqod. Għalkemm ma jirriżultax li l-imputat u sħabu xorbu l-alkoħol dakinhar tal-inċident, irriżulta li kellu traċċi ta’ alkoħol.

Il-jet ski baqa’ tiela’ fuq il-vittma – ra lil sieħbu fil-baħar b’rasu ‘l isfel bid-demm ħiereġ minn ħalqu

Quddiem l-espert tal-qorti l-akkużat xehed li din kienet l-ewwel darba li kien qed isuq jet ski. Qal li kien qed isuqu b’veloċità moderata u li l-vittma kien qed isuq warajh madwar 30 metru ‘l bogħod. Spjega li f’ħin minnhom dar u sabu ma’ wiċċu.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello kkonkludiet li kien l-imputat li daħal fil-vittma. Ħareġ li t-tnejn kienu qed isuqu bil-mod, iżda l-jet ski xorta baqa’ tiela’ għal fuq il-vittma u qatlu. Dan wara li laqtu f’wiċċu u kkaġunalu ksur f’rasu. Mix-xhieda tal-imputat ħarġet ukoll ix-xena makabra fuq il-post tal-inċident fejn ra lill-vittma fil-baħar b’rasu ‘l isfel bid-demm ħiereġ minn ħalqu.

Kieku kien kawtel u prudenti l-inċident kien jiġi evitat – il-vittma ma żammx mar-regoli lanqas

Il-Qorti qalet li kieku l-imputat saq b’mod kawtel u prudenti l-inċident kien jiġi evitat. Qalet li ma jidhirx li l-vittma żied il-veloċità xħin l-imputat beda jdawwar u filwaqt li seta’ naqqas jew ġibed iktar lejn ix-xellug biex jevita l-ħabta ma jfissirx li kien negliġenti. Madanakollu, qieset li l-vittma ma kienx qed iżomm id-distanza meħtieġa skont ir-regoli.

Dwar l-ammont ta’ alkoħol fid-demm, il-Qorti sabet nuqqasijiet fil-mod ta’ kif sar it-test u għalhekk ma sabitux ħati li saq taħt l-effett tax-xorb.

Il-familja tal-vittma ħafrietlu u riedet tipposponi l-funeral biex l-imputat ikun jista’ jattendi

Il-Qorti qieset li l-vittma u l-imputat kienu ħbieb tal-qalb, trabbew flimkien u kienu qrib xulxin, tant li kienu għal btala flimkien. Ingħad li jumejn wara l-inċident, il-qraba  ħafru lill-imputat u provaw jipposponu l-funeral. Il-Maġistrat qalet li l-imputat qed isofri minn effetti psikoloġiċi u se jibqa’ jbati minnhom għal għomru. Qalet ukoll li l-imputat għandu kondotta nadifa u mhux il-każ li għandu jintbagħat il-ħabs sabiex jirriforma ruħu.

Qalet li l-każ kien sfortunat, ħalla konsegwenzi traġiċi u biex issir ġustizzja m’għandhiex tmur għall-estremità tal-liġi u tapplika piena ta’ ħabs.

Madankollu, qalet li ma tistax twarrab il-fatt li l-akkużat kien traskurat fis-sewqan u għalhekk immultatu €2,500.