Unjoni Ewropea
“Mumenti kruċjali” għall-futur tal-UE – se jiġi ppreżentat pakkett aġġornat ta’ proposti għall-budget

Il-fażi li daħal fiha bħalissa l-Kunsill Ewropew Speċjali li qed jitlaqqa’ fi Brussell qed titqies bħala delikata jekk mhux kruċjali għall-futur tal-Unjoni Ewropea.  Il-Kunsill Ewropew qed jiltaqa’ fi Brussell biex jiddiskuti l-budget għas-seba’ snin li ġejjin u budget ieħor ftit iżgħar biex jagħmel tajjeb għall-ħsara li ħasad il-coronavirus. U għalkemm bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd kien hemm diżgwid, jidher li issa fadal l-aħħar qadfa.

Mal-wasla tagħha fil-bini tal-Kunsill kmieni waranofsinhar il-Kanċillier Merkel ma qagħditx lura u ddikjarat “għandna l-qafas għal ftehim iżda għadna ma wasalniex”.  Il-President Macron ammetta li l-jiem li għaddew kienu diffiċli iżda issa qal li jeżisti “spirtu ta’ kompromess”.  Aktar kmieni anki l-Kanċillier Awstrijakk Kurz, wieħed mill-ħamsa li kienu qed iżommu l-ftehim, iddikjara ruħu sodisfatt b’dak li ġie diskuss matul il-lejl u ta x’jifhem li resqin lejn qbil.

Pożittiva wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen li ħeġġet lill-mexxejja juqumu għall-okkażjoni għax iċ-ċittadini Ewropej iridu soluzzjoni.

Il-PM Malti Robert Abela li qed jieħu sehem attiv f’dan is-summit deher jasal fil-bini tal-Kunsill għall-ħabta tat-3.15pm għal sessjoni plenarja li kienet mistennija tibda fl-4pm iżda issa ġiet posposta għall-17:00.

Dak li jista’ jitqies bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba li ttieħed f’dan is-summit, ittieħed fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu meta l-Kunsill kien waqaf għall-brejk.  Flok 45 minuta, il-pawsa damet tliet sigħat u aktar bil-President tal-Kunsill Charles Michel jerġa’ jagħmel rawnd ieħor ta’ konsultazzjonijiet mal-mexxejja kollha.  Fil-5.30am reġa’ laqqagħhom u informahom li kien se jaġġorna l-proposti tiegħu għall-Fond ta’ Irkupru mill-Coronavirus u aktar tard matul il-ġurnata kien se jressaq pakkett ġdid.

Hu mifhum li l-pakkett il-ġdid se jkun jinkludi massimu ta’ għotjiet sa 390 biljun ewro– tnaqqis mill-pakkett oriġinali – bil-bqija jingħataw bħala self.  Hu mifhum ukoll li fil-pakkett il-ġdid il-ħlasijiet lura – ir-rebates – lill-pajjiżi l-aktar li jissussidjaw il-Budget Ewropew se jitnaqqsu.

Jekk dawn il-punti jiksbu l-approvazzjoni tal-mexxejja kollha, ikun fadal il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet li jridu jimponu grupp ta’ pajjiżi mmexxija mill-Olanda dwar il-ħarsien tas-saltna tad-dritt u l-governanza għall-pajjiżi tal-lvant u riformi strutturali fl-ekonomija tal-pajjiżi tan-nofsinhar.  Anki jekk mhux se jintlaħaq ftehim illejla imma għallinqas is sitwazzjoni tidher ferm anqas imcajpra milli kienet sal-bieraħ.

 

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-Kunsill qabel fuq għadd ta’ punti b’eċċezzjoni għall-Assoċjazzjoni Medika li ma tridx li jsiru attivitajiet bħal…

Kultura

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja. Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’…

Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Infrastruttura

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni. Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru…

Aktar