Lokali
“Mummy, toqgħodx tibki . . . issa jgħaddilek”

Il-pandemija ħarbtet sew il-ħajja tal-persuni li ġew infettati bil-virus iżda mhux tagħhom biss. Il-ħajja tal-qraba tagħhom kellha taddatta għal din ir-realtà. Għal uħud ftit ġranet. Għal oħrajn aktar. L-effett inħass sew b’mod speċjali minn persuni b’diżabilità li ħajjithom tiddependi mill-persuna marida.

Francesca Rausi għandha d-Down Syndrome. Ommha Michelle ttestjat pożittiv għall-Covid-19 f’nofs Settembru. It-tifla ma setgħetx tgħannaqha għal ġimagħtejn.

“I missed my mama a lot,” stqarret it-tifla.

L-omm spjegat li bdiet tħoss in-nifs tqil minkejja li qatt ma kellha problemi bih. Bintha kienet ħdejha xħin ħadet l-aħbar. Lil ommha qaltilha biex ma toqgħodx tibki għax kollox se jmur sew.

“Ingħalaqt ġo kamra. Waħdi. Roderick kien iġibli l-ikel wara l-bieb. It-tifla tarani minn wara l-bieb,” spjegat Michelle Rausi.

Ir-raġel stqarr li l-aħbar ħarbtet ir-rutina tal-familja.

“L-ewwel tlitt ijiem kienet se ttini rasi imma mbagħad ikkalmajt,” irrimarka Roderick Rausi.

Waqt li ommha kienet imsakkra f’kamra, Francesca bdiet tpinġilha l-kartolini.

“Get well soon mamà u qagħdet tpinġilna l-cards.”

Il-ġenituri ta’ Francesca baqgħu sorpriżi kif it-tifla, minkejja d-diżabilità tagħha, fehmet is-sitwazzjoni mill-ewwel.

“Jien dak il-ħin iċċassajt. Għedt kif jista’ jkun fehmet daqshekk? Forsi se tibki jew xi ħaġa imma tant fehmet mill-ewwel li lanqas kellna għalfejn ngħidulha ħafna affarijiet. Qatt ma bkiet,” stqarret ommha.

Mit-testijiet irriżulta li r-raġel u t-tifla ttestjaw negattiv għall-virus. L-omm stqarret li għadha sal-lum ma tafx minn fejn ħadet il-virus għax dejjem qagħdet attenta speċjalment minħabba bintha.