MUMN: Assigurati li ċ-ċentri tas-saħħa mhumiex ser jiġu privatizzati

Il-union tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN qalet li kisbet assigurazzjoni mill-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi li ċ-ċentri tas-saħħa mhumiex ser jiġu privatizzati u li l-ebda ħaddiem fiċ-ċentri tas-saħħa mhu ser jiġi sekondat biex jaħdem mal-privat.

L-MUMN qalet dan fi stqarrija wara rapporti f’sezzjoni tal-midja li fil-budget il-Gvern ser iħabbar li ċ-ċentri tas-saħħa ser jiġu privatizzati.

Il-MUMN qalet li ngħatat ukoll il-kelma li l-gvern ser ikompli bil-pjan li jibni ċentri tas-saħħa ġodda f’Raħal Ġdid u f’Ħal Kirkop u dawn ukoll ser jitmexxew mid-dipartiment tas-saħħa bil-ħaddiema tal-gvern.

Intant il-Ministeru qal li se jkun imniedi proġett separat f’Bormla fejn is-settur privat se jkun qed jiffinanzja t-tisbiħ u l-operat taċ-Ċentru tas-Saħħa f’isem il-Gvern. F’dan il-każ l-impjegati tal-Gvern fiċ-Ċentru se jkunu qegħdin jintbagħtu f’żoni oħrajn fejn hemm nuqqas. Qal li l-ħaddiema li se jaħdmu fuq dan il-proġett se jkunu impjiegi ġodda maħluqa mis-settur privat u saħaq li s-servizzi offruti se jibqgħu bla ħlas.

Il-Ministru Mizzi assigura li mhux biss is-servizz tas-saħħa se jibqa’ bla ħlas iżda wkoll li ħadd mill-impjegati li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa m’huma se jintbagħtu mal-privat.