Lokali
MV LIFELINE: F’emerġenza Malta tonora l-obbligi tagħha imma mhux se taċċetta li jikser il-liġi – PM

Fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li għat-tielet dabra ntbagħtu provvisti għall-immigranti abbord il-vapur Lifeline. Indika li jekk tinqala emerġenza, Malta tonora l-obbligi tagħha imma Malta ma tistax taċċetta dal-vapur li kiser il-ligi marittima. Dr Muscat qal illi Malta ma tistax tħalli tirripeti sitwazzjoni ta’ kaptan li ma jobdix regolamenti internazzjonali u joħloq kriżi bħal din.

Madankollu stqarr li jekk tiskatta kriżi umanitarji jidħlu sett ta regoli oħra b’Malta tiddiċiedi x’għandu jkun ir-rispons tagħha.

Fi stqarrija Parlamentari, il-Prim Ministru insista li l-liġijiet internazzjonali għandhom ikunu osservati anki minn organizzazzjonijiet volontarji li qed jagħmlu ħidmiet ta’ salvataġġ. Dr Muscat qal li l-għaqdiet mhux governattivi għandhom joperaw b’mod regolat u reġa’ semma’ li fil-każ tal-lifeline huwa reġistrat pleasure craft boats u allura jista’ mhux adegwat għall-operazzjoni ta’ salvataġġ. Qal li d-diskussjoni dwar kif dawn jistgħu jiġu regolati qed isir mal-pajjiżi Ewropej.

Dwar ir-relazzjoni mal-Italja, De Muscat qal li tkellem ċar mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conti fil-laqgħa informali Ewropea, minbarra li saru laqgħat oħra mill-ministri tal-Gvern. Qal li mill-analiżi li għamel jidher li ċertu stqarrijiet kontroversjali ma sarux mill-Gvern Taljan iżda minn xi membri prominenti tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kkonferma li l-Prim Minsitru qed iżommu infurmat u li l-Gvern u l-Oppożizzjoni huma maqgħuda fuq din il-kwistjoni. Huwa qal li jkun ta’ għajb min jipprova jinstiga li din toħloq problema fir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-Italja. Qal li l-Oppożizzjoni se tagħti sehemha biex ir-relazzjonijiet mal-Italja ma jiġux imxekkla waqt li jkun imħares l-interess nazzjonali.