Elezzjoni
“Naċċettaw ir-riżultat b’umiltà. Irridu nifhmu għaliex il-PN ma sarx l-għażla tan-nies” – il-Kap tal-PN

Kważi sitt sigħat wara l-ewwel indikjazzjoni tar-riżultat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ta l-kummenti tiegħu f’messaġġ fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista. Dr Delia waqt li rrikonoxxa r-rebħa Laburista qal li din mhix ser taqtagħlu qalbu u ser ikompli jaħdem qalb in-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-verdett tal-poplu huwa ċar. F’messaġġ fuq Net TV, Dr. Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jieħu t-tagħlimiet li għandu jieħu minn dan l-eżerċizzju demokratiku.

“Ma jfissirx li se naqgħtu qalbna anzi jfisser li rridu naħdmu iktar, b’umiltà imma naħdmu iktar, irridu nifhmu r-raġunijiet li wasslu biex aħna m’għadniex l-għażla tan-nies.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li issa m’huwiex se jaqta’ qalbu biex ikompli jġedded l-aħjar elementi fi ħdan il-partit. Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista xorta jibqa’ t-tieni l-ikbar partit u għandu obbligu li jirrappreżenta lil eluf ta’ nies li vvotaw għalih. Huwa qal li kien hemm ukoll eluf oħrajn li għażlu li ma jivvotawx u jrid jifhem x’kienu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Dr. Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għadda minn sfidi kbar fl-aħħar xhur u li huwa ma beżax jidħol għalihom f’wieħed mill-agħar perjodi tal-partit. Qal li huwa ħa l-kmand tal-partit meta qed jiffaċċja sitwazzjoni finanzjarja mwiegħra u defiċit ta’ voti.

Dr Delia għamel stedina lil dawk li jemmnu f’direzzjoni aħjar għall-pajjiż biex jingħaqdu mal-partit fi proċess ta’ tiġdid.

“L-istedina tiegħi hi li rridu ngħaddu minn dan il-perjodu u nistieden lil min jaħseb li jista’ jikkontribwixxi biex jagħmel dan il-vjaġġ magħna, vjaġġ mhux biss għall-Partit Nazzjonalista imma vjaġġ li jrid isir għall-pajjiżna.”

Qal li filwaqt li huwa konxju li l-vjaġġ li se jkun wieħed diffiċli u twil, jinsab fiduċjuż li eventwalment se jwassal għall-partit iżjed b’saħħtu.

Waqt li ntlaqa’ mill-partitarji tiegħu fiċ-ċentru tal-Għadd tal-Voti, Dr Delia wieġeb ukoll għal mistoqsijiet ta’ ġurnalisti ta’ TVM fuq fost oħrajn kartelluni li twaħlu ma’ bibien ta’ xi każini nazzjonalisti bil-kliem “jixraqilna aħjar”.

Mistoqsi dwar il-fatt li l-Partit Nazzjonalista tilef din l-elezzjoni b’distakk ta’ ħdax-il elf vot aktar mill-aħħar elezzjoni, Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jnaqqas il-voti.

Il-Kap Nazzjonalista qal li kulħadd irid jerfa’ r-responsabbilta li l-partit jitgħallem mill-iżbalji li setgħu saru.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

F’aktar minn ħamsin sena, l-Għaqda Alkoħoliċi Anonimi għenet mijiet ta’ persuni bi problema ta’ xorb żejjed, u ħafna drabi anke lill-qraba tagħhom permezz tal-AL-ANON. TVM tkellem ma’ raġel li 27…

Infrastruttura

Għaddejin l-aħħar tħejjijiet għat-tlestija ta’ Triq Ħal Luqa, li hija l-arterja ewlenija bejn Santa Luċija u Ħal Luqa. Bejn it-Tlieta filgħodu u l-Erbgħa waranofsinhar, it-triq se tingħalaq f’direzzjoni waħda sakemm…

Trasport

Matul l-aħħar snin, Transport Malta flimkien mal-Ministeru tat-Trasport nedew diversi skemi fuq ix-xiri ta’ mezzi tat-trasport biex jonqos it-tniġġis tal-arja. Tnejn mill-iskemi li qed jagħtu riżultati huma għax-xiri tal-karozzi elettriċi…

Annimali

Uffiċjali u membri tal-FKNK żaru l-Iskola Primarja ta’ Ħ’Attard fejn indirizzaw it-tfal li bħalissa qed jattendu Skola Sajf. Il-membri kellhom magħhom Kelb tal-Kaċċa ta’ Malta u Kelb tal-Fenek, bit-tfal li…

Aktar