Ambjent
Nadattaw għall-bidla biex inħallu dinja aħjar lil uliedna – Nature Trust

Fl-okkażjoni ta’ Jum id-Dinja 2020, Nature Trust FEE Malta, saħqet dwar il-fatt li minħabba li l-bniedem kellu jbiddel l-istil ta’ ħajja minħabba l-pandemija tal-Covid-19, id-dinja bdiet tfiq mit-tniġġis.

Fi stqarrija Nature Trust esprimiet it-tama li ladarba tgħaddi l-kriżi, il-bniedem jibqa’ jħaddan il-prattiċi li wasslu biex id-dinja bdiet tirkupra mill-ħsara, li l-attività tal-bniedem qabel il-pandemija kienet qed tikkaġuna.

Qalet li dan jirriżulta fi stil ta’ ħajja aħjar fost oħrajn minħabba kwalità ta’ arja tajba, protezzjoni akbar tal-biodiversità u l-ekoloġija marittima.

Nature Trust qalet li kif qed juri ż-żmien tal-pandemija, in-nies qed jirrikorru għall-kampanja biex iżommu ‘l bogħod mill-periklu tal-Covid-19 fi bliet u f’żoni iffullati. Il-baħar imtela b’aktar ħut u fakkret li n-natura tista’ tkun ta’ benefiċċju għas-saħħa mentali tal-bniedem.

Qalet li dan kollu huwa prova tal-fatt li bi ftit bidliet, bħal laqgħat virtwali minflok ivjaġġar minn post għall-ieħor bil-vetturi, il-bniedem jista’ jsalva lid-dinja u jgħix f’armonija man-natura.

Nature Trust qalet li kull azzjoni żgħira tbiddel il-kors tal-kriżi fil-klima filwaqt li appellat lill-publiku sabiex jiddisponi minn maskri u ingwanti b’mod responsabbli għaliex ir-rimi bl-addoċċ ta’ dawn l-oġġetti huma ta’ riskju kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent inkluż dak marittimu u l-ħlejjaq li jgħixu fih.

Fakkret fil-programm tal-EkoSkola li permezz tiegħu l-iskejjel ukoll qed jagħmlu wegħdiet tagħhom fl-okkażjoni ta’ Jum id-Dinja bħala parti mill-inizjattivi tagħhom favur żvilupp sostenibbli. Nature Trus qal li aktar minn 85% tal-popolazzjoni tal-istudenti fil-gżejjer Maltin tipparteċipa f’dan il-programm.