Barranin
Nagħmlu mħatra li Diana se jsemmuha lit-tarbija jekk tkun tifla?

X’se jsemmuha lit-tarbija l-Prinċep Harry u martu Meghan?  L-ex attriċi tinsab lejn l-aħħar tat-tqala u l-kumpaniji tal-imħatri bħalissa għaddejjin b’furur dwar l-isem, is-sess, il-piż, id-data u l-post fejn se titwieled it-tarbija rjali.

Jekk se jkollhom tifla, l-iktar isem favorit minn dawk li qed jagħmlu l-imħatri huwa Diana b’ċans ta’ 10/1, minħabba li jkun isem omm Harry li jintgħażel biex ifakkar il-memorja tagħha.  Qed jikseb popolarità wkoll l-isem Victoria b’ċans ta’ 10/1 ukoll.  F’każ li jitwieled tifel, Arthur jinsab fuq nett tal-lista tal-favoriti.

In-neputi tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni u martu żżewġu f’Mejju tas-sena l-oħra u f’Ottubru ħabbru li kienu qed jistennew l-ewwel wild tagħhom għar-rebbiegħa.  Skont l-imħatri, iċ-ċansijiet huma li l-koppja rjali se jkollhom tifla, iżda biex naqtgħu l-kurżità rridu nistennew ftit ieħor.