Politika
“Nagħti garanzija li se nibqgħu Gvern viċin iż-żgħir u l-batut” – PM

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li l-Gvern se jibqa’ viċin iż-żgħir u l-batut u wiegħed li din il-garanzija se tintwera fil-Budget li ġej. F’attività politika f’Ħal Balzan, Dr Abela assigura lill-ħaddiema li l-għajxien tagħhom se jibqa’ garantit waqt il-pandemija. Dwar it-turiżmu, il-Prim Ministru qal li t-triq ‘il quddiem mhix li jingħalaq l-ajruport iżda li jkun assigurat ivvjaġġar sigur.

F’Ħal Balzan, il-Partit Laburista organizza l-ewwel attività politika fil-beraħ skont il-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa bin-nies jistaqsu lill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela dwar diversi temi attwali. Hu qal li se jibqa’ jħares ir-ruħ soċjali, għax din hi waħda mill-erba’ prinċipji li fuqhom hu msejjes il-Partit Laburista, waqt li wiegħed li l-Gvern se jibqa’ viċin il-batut u l-fqir. Irrimarka li din il-garanzija se tintwera fil-Budget għas-sena d-dieħla, b’waħda mit-temi ewlenin tiegħu se tkun, il-ħarsien ta’ min jiflaħ l-inqas fis-soċjetà. Dr Abela qal li fl-istess waqt, il-Gvern se jkompli jaħdem man-negozji biex il-ġid jibqa’ jasal għand kulħadd.

Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni għall-iżvilupp soċjali u akkademiku ta’ ġenerazzjoni ta’ tfal. Stqarr li jifhem li għad hawn ġenituri li ġenwinament qed jibżgħu jibagħtu lil uliedhom l-iskola. Dr Abela appellalhom biex jassiguraw li wliedhom jattendu għat-tagħlim kollu li jsir online. Tenna iżda li l-aqwa edukazzjoni tibqa’ dik fiżika fil-klassijiet.

Dwar it-turiżmu, il-Prim Ministru qal li l-għeluq tal-ajruport mhix soluzzjoni. Qal li s-soluzzjoni hi vjaġġar sigur fosthom billi jissaħħu s-sistemi li hemm filwaqt li jkun assigurat li ma jaslux Malta turisti infettati bil-Covid-19. Qal li fil-jiem li ġejjin se jiżdiedu t-testijiet fosthom b’sistema ta’ rapid testing.

Dwar l-iskema tas-suppliment tal-pagi tal-ħaddiema, Dr Abela qal li se tibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ. Irrefera għal skemi oħrajn ta’ għajnuna fosthom fuq il-kontijiet tad-dawl, il-kirjiet u t-tqassim tal-vouchers u qal li kollha kienu maħsuba biex in-negozji jibqgħu b’saħħitom u l-ħaddiema ma jitilfux ħobżhom. Dr Abela qal li dan kien kollu possibbli għax il-Gvern irnexxielu jkattar il-ġid fl-aħħar seba’ snin.

Dr Abela qal li meta f’Lulju, il-Gvern innegozja l-pakkett finanzjarju l-ġdid għas-7 snin li ġejjin, irnexxielu jikseb pakkett li huwa d-doppju ta’ dak innegozjat minn amministrazzjoni Nazzjonalista fl-2012. Il-Prim Ministru qal li dan huwa riżultat ta’ min ma jistħix jgħid li hu Malti u jkun kburi b’pajjiżu u bil-poplu tiegħu.

Il-Prim Ministru żied jgħid li x-xogħol u l-investiment barrani se jibqgħu ġejjin filwaqt li se jsiru iktar proġetti infrastrutturali. Appella lill-ħaddiema biex ma jaqtgħux qalbom għax l-għajxien tagħhom se jibqa’ garantit anki waqt il-pandemija.