Eurovision
“Nagħti kuraġġ lin-nisa biex jemmnu fihom infushom”

Illejla l-PBS, vara l-video uffiċjali tal-kanzunetta Je Me Casse, kantata minn Destiny, li se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest f’Rotterdam, l-Olanda, f’Mejju li ġej.

Għal Destiny din hija t-tieni darba li ħadmet fuq il-kanzunetta tal-Eurovision, wara li s-sena li għaddiet dan l-avveniment internazzjonali tħassar minħabba l-pandemija. Destiny qalet li mis-sena li għaddiet ‘l hawn kellha ċ-ċans ittejjeb il-prodott tagħha u li din il-kanzunetta tirrappreżenta dak li temmen hi, li mara għandha temmen fiha nnifisha anki jekk ssib min jikkritikaha għax tagħżel li tkun dak li hi.

Je Me Casse, kanzunetta mill-iktar kontemporanja, bil-video uffiċjali bi produzzjoni eżekuttiva tal-Public Broadcasting Services. Kanzunetta b’għeruq Gospel u anki ġeneri mużikali oħra bħal electro u pop, tirrifletti l-attitudni tal-kantanta, b’messaġġ b’saħħtu li l-mara għandha temmen fiha nnifisha, u li għandha tħossha ħielsa li tirrapreżenta lilha nnifisha b’dak li hi u b’dak li temmen.

“Song li nemmen ħafna biha għaliex titkellem fuq kif aħna n-nisa nkunu indipendenti, m’għandniex bżonn raġel li jgħidilna x’nagħmlu, ferħana ħafna biha, u ħerqana li nitla’ u nirrapreżentakom,” fissret Destiny.

Il-kanzunetta Je Me Casse inħadmet bi produzzjoni mużikali internazzjonali, b’erba’ kittieba u kompożituri li lkoll għandhom suċċessi fil-qasam dinji mużikali.

Għal Destiny li s-sena li għaddiet tilfet iċ-ċans li tirrapreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision minħabba li tħassar konsegwenza tal-pandemija, dan serviha bħala opportunità biex tikber iktar.

“Nemmen li għenitni bħala artista għaliex issa llum il-ġurnata qed inkun iktar kunfidenti, u naf iktar x’għandi nagħmel u nħossni grata,” qaket Destiny.

Destiny flimkien ma’ tim sħiħ mill-Public Broadcasting Services għaddejjin b’ħidma biex meta ssir ir-rappreżentazzjoni tal-kanzunetta fl-Olanda, dan ikun ta’ suċċess. “Ħa nagħmel l-almu tiegħi; 3 minuti li nieħu pjaċir, nagħmel li nista’ u nħalli f’idejn il-Mulej.”

Il-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena se jsir b’ammont ta’ restrizzjonijiet minħabba l-Covid. Il-kanzunetti se jsiru dirett, bl-ikbar spettaklu televiżiv fid-dinja li se jittella’ fi żmien il-pandemija.

Destiny se tkun qed tirrapeżenta lil Malta fl-ewwel semi-finali fit-tmintax ta’ Mejju li ġej.

Ara wkoll:

FILMAT: Titnieda ‘Je Me Casse’ ta’ Destiny