X

Nagħtu ħarsa lejn ir-rapporti ewlenin fil-ġurnali

Story Published

L-Orizzont

L-Orizzont għandha tliet rapporti fuq il-paġna ta’ quddiem. L-ewwel rapport jikkwota lis-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU Sandro Vella jgħid li l-ftuħ tal-ajruport kienet aħbar pożittiva għall-ħaddiema. Jingħad li l-ajruport ser jiftaħ mill-ġdid fl-ewwel ta’ Lulju.

It-tieni rapport jispjega li mill-5 ta’ Ġunju l-pajjiż ser jerġgħa lura għan-normalità tant li ser jitneħħew ir-restrizzjoni li fadal li kienu imposti biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-coronavirus.

Rapport ieħor jgħid lis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja jemmen li huwa essenzjali li dak kollu li ggwadanjajna bħala drittijiet tal-ħaddiema matul iż-żmien għandu jkun protett u jkun addattat għax-xogħol fil-futur.

The Malta Independent

The Malta Independent għandha ritratt tal-Kappella Sistina fil-Vatikan li fetħet għall-viżitaturi wara tliet xhur magħluqa minħabba l-miżuri kontra l-Covid-19.

Ir-rapport ewlieni jispjega li l-maġġoranza tar-restrizzjonijiet kontra l-coronavirus ser jitneħħew min-nhar il-Ġimgha li ġej u l-ħaddiema kollha ser jerġgħu lura għax-xogħol. Jingħad ukoll li fit-8 ta’ Ġunju l-Gvern ser iressaq budget b’nefqa ta’ miljuni ta’ ewro biex jistimula l-ekonomija.

It-tielet rapport jagħti dettalji dwar il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ Yorgen Fenech fejn jintqal li l-persuna intermedjarju fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jgħid li kien jara lil eks-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta f’residenza li tappartjeni lil Yorgen Fenech.

In-Nazzjon

In-Nazzjon b’ritratt ta’ Melvin Theuma dieħel fil-bini tal-Qorti tgħid li nstab mobile ta’ Chris Cardona fil-baħar fejn l-imħażen tal-Marsa waqt li kienet saret tfittxija mill-Pulizija li kienet wasslet għall-arrest ta’ tlitt irġiel li kienu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista.

Rapport ieħor jgħid li ser jitneħħew kważi l-miżuri kollha li kienu imposti minħabba l-coronavirus minkejja li l-pajjiż għadu fi stat ta’ emergenza medika.

Rapport ieħor fil-ġenb jgħid li l-Gvern ilbieraħ ma weġibx mistoqsijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar iż-żjara li l-Prim Ministru Robert Abela għamel fil-Libja nhar il-Ħamis li għadda.

The Times of Malta

Permezz ta’ ritratt tal-Pulizija ta’ Kontra l-Irvellijiet quddiem il-White House f’Washington fl-Istati Uniti minħabba demostrazzjonijiet vjolenti li tqanqlu wara li pulizija abjad kien aggressiv ma’ raġel iswed u spiċċa qatlu f’Minneapolis.

It-tieni rapport jispjega li Malta ser terġa’ lura għan-normalità iżda mhux ser ikunu permessi sports b’kuntatt fiżiku u anke gruppi kbar ta’ nies f’daqqa. Jgħid li l-ajruport ser jinfetaħ fl-ewwel tal-Lulju fejn ser jibdew titjiriet lejn 19-il pajjiż filwaqt li l-funzjonijiet reliġjużi mistennija jibdew isiru f’nofs Ġunju.

Rapport ieħor jispjega lid-Deputat Kap Laburista Chris Cardona ċaħad xhieda li lilu tassoċċjah mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa ddeskriva dak li ntqal bħala gideb u attentat li jifframjawh dawk li verament huma involuti.

 

Related Post