Tfal
“Nagħtu każ tfal imbegħdin soċjalment minn qabel il-COVID-19” – appell ta’ għalliema

L-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi issa ilhom ġimagħtejn li għalqu l-bibien u diversi studenti u l-għalliema bdew jużaw diversi pjattaformi diġitali sabiex l-istudenti jkomplu bit-tagħlim.

Għalliema li tkellmet ma’ TVM appellat lill-għalliema sħabha biex jagħmlu sforz akbar biex jilħqu lit-tfal li s-social distancing kienu jgħixuh minn qabel bdiet il-kriżi tal-Coronavirus f’Malta.

Għalliema fi skola primarja, esprimiet ma’ TVM tħassib dwar l-istudenti li għalihom l-iskola kien post ta’ refuġju. Shirley Pulis qalet li hi bħal ħafna għalliema oħra, qed iżżomm kuntatt regolari mal-istudenti b’sistemi virtwali imma wisq tibża’ li mhux jirnexxielha tilħaq lill-istudenti kollha.

“Mhux l-istudenti kollha, il-ġenituri tagħhom kapaċi jaqrawhom l-emails. Dawn x’se jagħmlu? Mhux hekk biss. Hawn tfal li mhumiex dejjem fl-istess dar għal raġunijiet differenti. X’se jagħmlu?”

Is-Sinjura Pulis esprimiet tħassib għal tfal li għal diversi raġunijiet soċjali huma żvantaġġjati u l-edukaturi jridu jagħmlu sforz akbar biex jilħquhom.

“Ma kienx hawn bżonn il-coronavirus, biex dawn l-istudenti jkunu imbegħdin soċjalment. Issa l-iskola kienet mod kif dawn l-istudenti tressaqhom viċin. Issa li l-iskejjel ingħaqlu u kulħadd qiegħed imbiegħed, is-social distancing għal dawn l-istudenti żdied.”

Qalet li għal dawn l-istudenti hemm il-help line 25981000. Stqarret li wħud mill-istudenti l-uniku mod li tista’ tikkomunika magħhom jew ma’ min jieħu ħsiebhom, huwa bit-telefown u oħrajn b’Facebook.

Appellat lill-għalliema biex ma jħarsux biss lejn x’servizzi jeżistu iżda wkoll lejn x’jistgħu jagħmlu biex jilħqu lill-istudenti kollha.

“Kif ingħalqu l-bibien tal-iskola, hawn ċertu tfal li m’għandhom l-ebda mod ta’ kuntatt, jekk aħna ma nagħmlux dan il-kuntatt.”

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Frank Fabri qal lil TVM li mil-lum bdew jitqassmu ‘resource packs’ lill-istudenti fl-iskejjel tal-Gvern li m’għandhomx internet id-dar. Qal li fil-jiem li ġejjin, il-Ministeru se jipprovdi saħansitra s-servizz tal-internet lil dawn l-istudenti. Dr Fabri qal li l-Ministeru beda jwassal ukoll il-lunch fid-dar ta’ ‘l fuq minn 350 student li kienu jingħataw il-lunch b’xejn l-iskola.

Aħbarijiet Oħra
Solidarjetà

Sidien ta’ ħanut tal-kafè li joffri spalla għal dawk li jkunu għaddejjin minn mard serju u esperjenzi trawmatiċi issa sabu wkoll min joffri spalla lilhom. Il-ħanut Jacob’s Brew – Pay…

Temp

L-Uffiċċju Meteoroloġiku ħareġ twissija ta’ riħ qawwi. Ir-riħ mill-Majjistral it-Tramuntana, li iktar tard idur lejn il-Majjistral, ser ikun qawwi għal qawwi ħafna fuq il-Gżejjer Maltin. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sas-siegħa ta’ għada…

Lokali

Il-Gvern Malti se jkompli jikkopera mal-kumplament tal-istati membri biex jkun hemm kordinament fir-rilaxx tal-miżuri, speċjalment dawk li għandhom x’ jaqsmu mal-fruntiera. F’laqgħa tal-Ministri responsabbli mill-Affarijiet Ewropej tal-istati membri fil-Mediterran, is-Segretarju…

Solidarjetà

Żewġ żgħażagħ li għandhom passjoni għal sport differenti – wieħed għar-rugby u l-ieħor għall-għawm – se jippruvaw jaqdfu 100km bejniethom biex jiġbru fondi għall-fondazzjoni li toffri l-ikel lil dawk fil-bżonn….

Aktar