Lokali
“Naħdmu għal Malta u UE aħjar” – Roberta Metsola f’konferenza dwar il-futur tal-Ewropa

L-ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, indirizzat il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li bdiet titlaqqa’ ilbieraħ. Dr Metsola qed tifforma parti mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f’din il-konferenza.

Fid-diskors fil-plenarja, l-Ewroparlamentari qalet li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ tkun onestà dwar fejn falliet u anke fejn irnexxiela tasal. Esprimiet il-fehma li l-unjoni trid issaħħaħ l-irwol tagħha fil-politika dinjija u appellat lill-Ewropej biex isaħħu l-għaqda ta’ bejniethom aktar minn qatt qabel.

Dr Metsola qalet li flimkien mal-Ewroparlamentari Josianne Cutajar, bħala l-Maltin magħżula biex jieħdu sehem f’din il-konferenza, jeħtieġ ikunu il-vuċi tal-poplu Malti. Qalet li huma t-tnejn għandhom lill-pajjiż għal qalbhom u se jużaw dan l-irwol biex ifasslu l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea li jkollu l-valuri tal-poplu Malti fil-qalba tiegħu. Dr Metsola qalet li din m’hix kwistjoni ta’ aħmar kontra blu iżda jeħtieġ jaħdmu flimkien għal Malta u Unjoni Ewropea aħjar.