“Naħseb li ħafna aħjar li tibqa’ waħdek għax terfa’ tiegħek biss, ma għandekx inkwiet ta’ ħaddieħor”

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġew diskussi r-relazzjonijiet u l-bidla f’dan il-kuntest fis-soċjetà Maltija.   Tkellimna ma’ raġel mill-Imġarr li jemmen li fil-ħajja aħjar tibqa’ waħdek u ma tidħolx f’relazzjoni; “Naħseb li ħafna aħjar li tibqa’ waħdek għax terfa’ tiegħek biss, ma għandekx inkwiet ta’ ħaddieħor”.  “Meta tiżżewweġ inti tiġi dejjem it-tieni, it-tielet jew l-aħħar għaliex meta mara jkollha tarbija, l-ewwel dejjem jiġu huma”.

Mistoqsi mill-preżentatur Quinton Scerri x’jaħseb fuq dak li qal l-Imġarri, Nicholas Baldacchino mill-moviment ta’ Kana sostna li mhux kull persuna taħsibha bl-istess mod u mhux kull persuna tkun lesta tidħol għal relazzjoni u s-sagrifiċċji li ġġib magħha.  “Iż-żwieġ huwa sagrifiċċju, biss iż-żwieġ huwa xi haġa sabiħa wkoll” kompla Nicholas. Minn naħa l-oħra, Matthew Bartolo, sesswologu spjega li kull persuna tgħaddi minn esperjenzi differenti tul ħajjitha li jwasslu biex tibda taħseb b’ċertu mod. Huwa apprezza l-onesta ta’ din il-persuna u sostna li jekk persuna tkun tixtieq tibqa’ waħidha jkun aħjar li tibqa’ waħidha milli tagħżel li tidħol f’relazzjoni u ma tkunx lesta taħdem għaliha.