COVID-19
Nanniet jistaqsu kif għandhom jirrelataw man-neputijiet waqt il-Covid-19

Il-Fondazzjoni “Nanniet Malta” qed titlob linji gwida aktar ċari dwar kif in-nanniet għandhom jirrelataw man-neputijiet tagħhom. Il-fondazzjoni qed tara aktar urġenza f’dan billi ħafna tfal qed jirritornaw fl-iskejjel.

Il-fundatur tal-Fondazzjoni Nanniet Malta, Philip Chircop, qal li minkejja li n-nies addattaw għar-restrizzjonijiet tal-Covid, in-nanniet qed jiffaċċjaw diffikultajiet kif l-aħjar jaqdu l-irwol tagħhom.

Jgħid li filwaqt li seba’ xhur ilu, il-gvern kien iddikjara li dawk li għandhom ‘l fuq minn 65 sena huma vulnerabbli u kellhom jevitaw li jkunu f’kuntatt man-nies, ma reġgħux ingħataw direttivi kif għandhom jaġixxu mal-komunità wara li ntreħew uħud mir-restrizzjonijiet. Dan jinkludi l-kuntatt ma’ uliedhom u n-neputijie.

Is-Sur Chircop jgħid li filwaqt li l-ħarsien tal-prekawzjonijiet ta’ saħħa u użu akbar ta’ tagħmir teknoloġiku jibqgħu japplikaw, il-ftuħ tal-iskejjel qed joħloq sfidi u bosta domandi għan-nanniet u għal uliedhom li jaħdmu.

Jipproponi soluzzjonijiet bħal teleworking, xifts b’sigħat imnaqqsa jew prattiċi ta’ xogħol li jinqalbu għall-ħinijiet alternattivi u flexitime.

Hi pożizzjoni li jħaddan wkoll il-president tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb, li qal li l-maġġoranza assoluta ta’ dawk li ħaddnu dawn il-prattiċi ta’ xogħol fl-eqqel tal-Covid żammewhom.

Is-Sur Xuereb enfasizza li għandu jinstab bilanċ bejn il-ħtiġijiet ta’ dawk li jħaddmu u l-ħaddiema.

Is-Sur Xuereb qal li l-aktar aspett kruċjali fil-mod kif tiġi indirizzata l-Covid, anki fuq il-lant tax-xogħol, hija permezz tad-dixxiplina u l-ħarsien tal-protokolli maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.