Barranin
Naqqxu isimhom fl-istorja wara s-summit storiku tal-lum

Il-President Amerikan Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un naqqxu isimhom fl-istorja hekk kif saru l-ewwel żewġ kapijiet ta’ stat miż-żewġ pajjiżi li ltaqgħu wiċċ imb wiċċ, fi sfond biex irattbu t-tensjonijiet kbar li kien hemm bejniethom. F’dan is-summit storiku, li tlaqqa’ f’Singapore, iż-żewġ pajjiżi ffirmaw dikjarazzjoni li fost oħrajn tipprovdi biex il-Korea ta’ Fuq iżżarma għalkollox l-armi nukleari tagħha. Fil-kummenti lill-midja, il-President Trump qal li tant kemm bena relazzjoni b’saħħitha ma’ Kim Jong Un li se jistiednu għal laqgħha fil-White House.

Sa Diċembru li għadda, ħadd ma kien jobsor li President Amerikan jieħu b’idejn Mexxej tal-Korea ta’ Fuq. L-ewwel laqgħa storika bejniethom f’Singapore, li sa ftit ġimgħat ilu kien jidher li mhux se ssir, jidher li rnexxiet, għall-inqas l-korjografija tagħha turi li ż-żewġ mexxejja marru tajjeb flimkien, daqslikieku ilhom jafu lil xulxin mill-qrib.

Trump iddeskrieva l-laqgħa ma’ Kim Jong-un bħala tremenda. Stqarr li tant bena relazzjoni speċjali ma’ Kim Jong-un, li se jistiednu għal laqgħa oħra fil-White House.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump qal ”I think our whole relationship with North Korea and the Korea peninsula is going to be very much different situation than it has in the past. We both want to do something, we are both going to do something, and we’ve developed a very special bond, so people will be very impressed, people will be very happy.”

Is-summit storiku ntemm bl-iffirmar ta’ ftehim li osservaturi diplomatiċi fissruh bħala ġeneriku żżejjed, li jista’ jfisser ħafna u jista’ ma jfisser xejn mal-milja taż-żmien. Dan minkejja li qed jiġi rrappurtat li l-ftehim se jwitti t-triq biex jibda l-proċess taż-żarmar tal-armi nukleari fil-peniżula Koreana. Ma ngħatat l-ebda indikazzjoni meta se jibda dan iż-żarmar, iżda l-President Trump qal biss li dan se jibda mill-aktar fis.

Bħala prova ta’ kemm iż-żewġ naħat fehmu lil xulxin, il-President Amerikan iddikjara li se jwaqqaf it-taħriġ militari annwali li fih jipparteċipaw qawwiet militari Amerikani u dawk tal-Korea t’Isfel. Il-Gvern tal-Korea ta’ Fuq dejjem iddeskrieva dan it-taħriġ bħala provokazzjoni. Trump illum qal li dan it-taħriġ militari sar ħela ta’ flus. Qal ukoll li l-Istati Uniti offriet garanziji ta’ sigurtà lill-Korea ta’ Fuq.

Assistit minn interpretu, Kim Jong-un qal li ż-żewġ pajjiżi ddeċidew li jħallu l-passat warajhom u jimxu ‘l quddiem, bil-ftehim se jwassal għal bidliet kbar u pożittivi għad-dinja kollha.

Dan l-iżvilupp storiku seħħ wara li l-President Trump u Kim Jong-un għamlu xhur sħaħ jitgħajru, jaqilgħu il-laqmijiet lil xulxin u jheddu lil xulxin.

 

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Mill-inqas 8 persuni ndarbu wara li pakkett suspettat b’bomba sploda fiċ-ċentru tal-belt Franċiża ta’ Lyon. Lyon hi t-tielet l-ikbar belt fi Franza. Il-Pulizija ssiġillaw ix-xena tal-inċident u bħalissa fuq il-post…

Unjoni Ewropea

Wara li lbieraħ bdew jivvutaw l-Ingliżi u l-Olandiżi, illum kien imiss lill-Irlandiżi u ċ-Ċeki biex joħorġu jivvutaw biex jaħtru d-deputati Ewroparlamentari. Fir-Repubblika Ċeka l-votazzjoni maqsuma fuq jumejn bil-għan li t-turnout…

Barranin

Is-sajf fl-Italja mistenni jkun ikkaratterizzat minn temp estrem, b’perjodu ta’ nixfa u xita qalila. L-esperti tat-temp fl-Italja ltaqgħu dan l-aħħar f’Ruma u qed ibassru li l-istaġun sajfi se jkun kemmxejn…

Barranin

Raġel fl-Istati Uniti ġie arrestat wara li mara rrapportat lill-Pulizija li kien għaddiha biż-żmien u ħadilha $80,000. L-arrestat huwa John Martin Hill ta’ 35 sena, bil-mara tgħid li kienet iltaqgħet…

Aktar