Naqsu l-istudenti li jagħżlu l-Matematika u l-Fiżika fil-livell avvanzat

Minn statistiċi ppubblikati mill-MATSEC jirriżulta li f’għaxar snin naqsu l-ammont ta’ studenti li jagħmlu l-eżami tal-Matematika Pura u l-Fiżika fil-livell avvanzat. Meta mqabbla mal-2006, fl-2016 kien hemm 7.8% inqas studenti għall-Matematika u 4.8% inqas għall-Fiżika.

Suġġetti oħra li naqqsu fil-popolarità fil-livell avvanzat kienu l-Accounts, il-Computing u l-Ingliż. Mill-banda l-oħra żdiedu l-istudenti li jagħżlu l-Malti, l-Kimika u l-Bioloġija fil-livell avvanzat, bi 3%, 2.4%, u 2.1% rispettivament.

Fir-rigward tal-livell intermedjarju, żdiedu ħafna l-istudenti li jagħżlu l-psikoloġija, tant li iktar minn kwart tal-istudenti kollha għamlu l-eżami ta’ dan is-suġġett. Min-naħa l-oħra naqsu l-istudenti li jistudjaw il-Filosfoija, is-Soċjoloġija u r-Reliġjon f’dan il-livell b’10.8%, 6.7% u 6.1% rispettivament.

Mill-istatistika ħareġ ukoll li għad baqa’ distakk bejn ir-riżultati tat-tfajliet u l-ġuvintur, b’14.6% iktar tfajliet li jirnexxielhom jakkwistaw iċ-ċertifikat tal-matrikola. Minn dawk kollha mwielda fl-1998, kien hemm 28% li ngħataw iċ-ċertifikat tal-matrikola li permezz tiegħu jkunu jistgħu jkomplu jistudjaw fil-livell terzjarju.