Lokali
Naqsu l-Kunsilli Lokali li qed jaħdmu b’telf

Diversi kunsilli lokali rnexxielhom itejbu l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom, għalkemm oħrajn għadhom qed jaħdmu bit-telf. Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Awditur Ġenerali dwar il-Ħidma tal-Kunsilli Lokali s-sena li għ.addiet.

Skont ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, 17-il Kunsill Lokali m’għandhomx biżżejjed assi biex jagħmlu tajjeb għall-piżijiet li daħlu għalihom. L-agħar sitwazzjoni tidher li hija tar-Rabat Għawdex b’working capital negattiv li skorra €700,000 u dak ta’ Birkirkara li reġa’ qabeż in-nofs miljun ewro.

B’kuntrast, għalkemm baqgħu minn taħt, kien hemm titjib sostanzjali fil-working capital ta’ Ħad Dingli u Birżebbuġa, u titjib marġinali f’Ta’ Kerċem, fin-Nadur, u f’Ħaż-Żebbuġ. Tmien Kunsilli Lokali biss irnexxilhom jaqilbu min-negattiv għall-pożittiv b’San Pawl il-Baħar itejjeb il-qagħda tiegħu b’terz ta’ miljun ewro.

Fuq nota pożittiva, bejn l-2015 u l-2016, il-Kunsilli bi żbilanċ naqsu minn 24 għal 11. Dawk li għadhom b’defiċit qawwi jinkludu San Ġiljan b’€65,000, Birkirkara b’€26,000, Kerċem, Ta’ Sannat u n-Nadur b’madwar €20,000 kull wieħed.

Sittax-il Kunsill Lokali qalbu d-defiċit f’surplus. Dawn jinkludu Tas-Sliema, is-Siġġiewi, l-Marsa, l-Imsida, is-Swieqi, il-Mellieħa, u l-Imdina fost l-oħrajn.

L-Awditur Ġenerali jenfasizza nuqqasijiet li jitkellem dwarhom minn sena għall-oħra. Jinnota fost oħrajn li l-akbar dgħufija hija li f’ċertu każi l-kontijiet tal-Kunsilli Lokali jinżammu b’mod tant fqir li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ma jkunux jagħtu stampa tas-sitwazzjoni vera.

L-Awditur jgħid ukoll li ma setax jesprimi l-opinjoni ta’ verifika tiegħu dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Kunsill Lokali tal-Birgu u tal-Mosta u jsostni li m’għandux fiduċja li dawn se jkunu kapaċi jlaħħqu mal-obbligi tagħhom.

It-68 Kunsill Lokali u l-Ħames Kumitat Reġjonali kellhom sa tmiem April biex jissottomettu d-dikjarazzjoniijet finanzjarji awditjati iżda sa sitt xhur wara, l-Kunsilli ta’ Ħal Għaxaq, il-Kalkara u l-Belt Valletta, u l-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex baqgħu ma żammewx maż-żmien definit.

L-Awditur Ġenerali jesprimi sodisfazzjon għall-fatt li d-Dipartiment tal-Gvern Lokali qed jipprova jagħti sens ta’ direzzjoni u appoġġ lill-Kunsilli filwaqt li qed jagħti ferm aktar każ tal-prestazzjoni tagħhom. Madanakollu jsostni li mhux aċċettabbli li sitt snin wara t-tneħħija tal-Kumitati Konġunti, biex posthom ittieħed min-numru iżgħar ta’ kumitati reġjonali, għad m’hemm l-ebda indikazzjoni li dan il-proċess skatta u wisq anqas irċieva dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati tal-istess Kumitati.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-qorti ordnat kumpens ta’ €463,465 għal tfajla li spiċċat fuq siġġu tar-roti wara inċident fil-Qawra. It-tfajla; Vladyslava Kravchenko, disa’ snin ilu kienet f’party ħdejn Fra Ben, meta l-apparat tad-dawl waqa’…

Lokali

Mara ta’ 68 sena sofriet ġrieħi gravi wara li ttajret f’San Ġwann. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.15 fi Triq Birkirkara. Il-Pulizija marru fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li mara ta’…

Lokali

Bil-festini tal-Milied jinsabu fl-aqwa tagħhom, għadd ta’ entitajiet ngħaqdu flimkien f’kampanja preventiva biex min se jixrob ma jsuqx għax fi kliemhom il-ħajja mhijiex logħba. Il-ħajja mhix logħba . . ….

Lokali

L-MUT u l-MCAST se jkomplu jitkellmu sabiex tinstab soluzzjoni Il-Union tal-Għalliema, l-MUT, issospendiet id-direttiva biex nhar il-Ġimgħa jsir strajk ta’ ġurnata mill-għalliema fl-MCAST minħabba nuqqas ta’ qbil dwar il-ftehim kollettiv…

Aktar