Saħħa
Nasal sprays għall-influwenza għat-tfal jingħataw waqt il-vaganzi tal-Milied

Min-nhar it-Tnejn 21 ta’ Diċembru sal-4 ta’ Jannar, it-tfal ta’ bejn is-sentejn u t-tmintax-il sena jistgħu jieħdu nasal spray għall-influwenza miċ-Ċentri tas-Saħħa madwar Malta u Għawdex.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li Malta akkwistat 25,000nasal spray sabiex it-tfal ikunu protetti mill-influenza mingħajr il-bżonn ta’ tilqima.

Ġie spjegat li ż-żmien magħżul li tulu se jingħata dan l-ispray lit-tfal huwa intenzjonat li jaħbat mal-vaganzi tal-Milied sabiex jirrikorru għalih kemm jista’ jkun tfal, u għalhekk il-maġġoranza tat-tfal Maltin jidħlu lura għall-iskola b’immunità kontra l-influwenza.

In-nasal spray mhux rakkomandat għal min ibati minn allerġija għall-bajd u min ibati minn kundizzjonijiet immunosuppressive.

Iċ-Ċentri tas-Saħħa huma miftuħin kif ġej:

Mosta, Paola, Floriana, Kirkop, Gżira u Victoria Għawdex: mit-Tnejn sas-Sibt mill-10am sa 7pm u l-Ħadd mit-8am sa7pm;

Birkirkara, Rabat (Malta), Qormi, Cospicua: mit-Tnejn sal-Ġimgħa mill-10am sa 7pm, is-Sibt mill-10am sa 12pm, u l-Ħadd mit-8am sas-7pm.

It-tilqima tal-influwenza għall-adulti għadha disponibbli miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha.