Negozjanti jilmentaw fuq id-dewmien esaġerat biex jiftħu kont il-bank

Bosta huma dawk li jilmentaw dwar is-servizzi bankarji offruti f’pajjiżna kemm f’kuntest individwali u anke dak relatat man-negozji. ‘Popolin’ iddiskuta dan il-fatt sabiex jiġu analizzati aħjar l-intoppi li qed jiltaqgħu magħhom diversi persuni u entitajiet f’dan ir-rigward.

Fl-aħħar xhur, bħala parti mill-miżuri kontra l-imxija tal-pandemija Covid19, il-banek f’Malta għalqu numru ta’ fergħat, dan ikkawża inkonvenjent kbir fuq iċ-ċittadini Maltin speċjalment dawk anzjani. Biss in-negozji kienu milquta mis-servizzi bankarji wkoll , qalet dan Abigail Mamo Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Intrapriżi ż-żgħar u medji. Mamo spjegat li bosta negozji ilmentaw mal-Kamra għaliex il-proċeduri qegħdin jieħdu ħafna xhur twal. Oħrajn fl-aħħar ġimgħat raw żieda fil-ħlasijiet dovuti lill-banek, fosthom miżati ġodda għall-manutenzjoni tal-kontijiet u oħrajn marbuta maċ-ċekkijiet u tranżazzjonijiet online. Mamo sostniet li għalkemm huwa veru li dawn il-ħlasijiet kienu mħabbra minn ġimgħat qabel, in-negozji żgħar u medji fil-mument għaddejjin minn żmien diffiċli għalhekk wieħed irid joqgħod attent qabel iżid iktar piżijiet fuqhom.

Rigward il-proċessi regorużi marbuta mal-banek f’Malta, Fabio Axisa, President tal-Malta Institute of Accountants tenna li fil-mument pajjiżna għandu attenzjoni partikolari. “Ir-regolaturi u l-banek internazzjonali li magħhom il-banek lokali jridu jaħdmu, ħadu ċertu veduta tal-operat fil-pajjiż tagħna nemmen li għalkemm huwa veru li saru ċertu żbalji, qegħdin jiġu enfasizzati wisq dawn l-iżbalji”. Huwa żied jgħid li bħala pajjiż ma konniex kapaċi nsibu aġenda komuni bejn il-partijiet interessati kollha. Tenna li jekk fil-mument pajjiżna ġibed ċertu perċezzjonijiet, għandna nkunu aħna li ntejbu l-kwalità tal-operat tagħna. “Il-Gvern, l-Oppożizzjoni, l-accountants, il-bankiera, in-negozji u kull minn hu parti mill-katina li jista’ jesponi lill-pajjiż, irid jeleva l-kwalità tal-logħba tiegħu” tenna Axisa.

Tkellimna wkoll ma’ Karol Gabaretta, Segretarju Ġenerali għall-Assoċjazzjoni tal-Bankiera f’Malta li spjega li l-banek huma forma ta’ negozju bl-għan li jagħqdu lill-klijenti bl-aħjar mod, biss irid jiġġenera profitt ukoll.  “Il-Banek m’għandhomx skop soċjali, l-banek huma kumpaniji privati li qegħdin hemm primarjament biex iżidu l-profitti għall-azzjonisti tagħhom”. Żied jgħid li l-profitti tal-banek ma jitqassmux direttament mal-azzjonisti, biss parti sostanzjali minnhom iridu jinżammu mill-bank innifsu għal-skopijiet oħra li huma imposti fuqhom mir-regolaturi.

Axisa spjega li r-regolaturi internazzjonali għandhom l-għan li jtawwlu l-proċessi u jagħmluhom ħafna iktar regorużi, għalhekk il-banek qed ikollhom jadottaw tali proċessi. Minn naħa l-oħra, Mamo sostniet li għandha ssir lista komuni li tinkludi wkoll timelines stabbiliti biex kemm in-negozji kif ukoll il-banek lokali jkunu jistgħu jimxu magħha sabiex il-kontijiet li jinfetħu, jinfetħu b’mod regolarizzat biss fi żmien stipulat u raġonevoli.