Ekonomija u Finanzi
Negozji fit-teknoloġija mgħejjuna jittestjaw il-prodotti tagħhom qabel joħorġuhom fis-suq

In-negozji żgħar u medji li jispeċjalizzaw fil-qasam teknoloġiku għandhom l-appoġġ ta’ pjattaforma virtwali sabiex jittestjaw l-prodotti tagħhom qabel jidħlu fis-suq u jkollhom prodott finali ta’ kwalità b’konformità ma’ livelli internazzjonali li jipproteġi lill-konsumatur.

Il-Ministru għall-Ekonomija u Industrija Silvio Schembri qal li t-‘Technology Assurance Sandbox’ huwa pjattaforma li ġiet żviluppata biex tgħin lill-Malta Development Innovation Agency sabiex jiżviluppaw u jibnu teknoloġiji f’inkubatur virtwali konformi ma’ standards u prassi rikonoxxuti internazzjonalment.

Huwa spjega li dawk in-negozji żgħar u medji li qed jiżviluppaw prodotti jew servizzi diġitali li jaħdmu b’teknoloġiji innovattivi bħal DLT, Intelliġenza Artifiċjali, u anke teknoloġiji wżati f’servizzi essenzjali, bħal fis-settur tas-saħħa, is-sigurtà u t-trasport, issa jistgħu jipparteċipaw f’dan l-inkubatur virtwali.

Il-Ministru Schembri żied li permezz tat-‘Technology Assurance Sandbox’ l-intrapriżi li jidħlu fil-programm tal-MDIA se jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex fi żmien sentejn jkunu eliġibbli li jilħqu l-ogħla livell ta’ ċertifikazzjoni mingħand l-istess awtorità.