Negozju
Negozji tal-familja jistgħu jieħdu €15,000 biex ifasslu pjan ta’ suċċessjoni

Negozji tal-familja jistgħu jibbenfikaw minn €15,000 sabiex jippjanaw is-suċċessjoni tal-operat tagħhom.

Il-Ministru għall-għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli, qalet li twaqqaf fond ta’ miljun ewro biex jevita sitwazzjonijiet ta’ diżgwid dwar is-suċċessjoni, li jista’ jwassal biex jisfaxxa negozju.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Miriam Dalli qalet li kull negozju rreġistrat mal-Uffiċċju għan-Negozji ta-Familja jista’ jibbenfika minn għajnuna ta’ €15,000 mqassma fuq tliet snin sabiex ifasslu pjan ta’ suċċessjoni.

Dr Dalli rrimarkat li dan il-pjan huwa strumentali sabiex in-negozji tal-familja jibqgħu jikbru minn ġenerazzjoni għal oħra. Irrimarkat li jekk dan ma jsirx, jew inkella jsir ta’ kaf kaf, jista’ jwassal għall-għeluq tan-negozju.

Dr Dalli qalet li dan l-inċentiv jissodisfa l-kriterji marbuta mal-liġi li ddaħħlet erba’ snin ilu li biha l-Gvern iddefinixxa x’inhu negozju tal-familja.

Fid-diskors tiegħu, ir-Regolatur tal-Uffiċċju għan-Negozji tal-Familja, Dr Joe Gerada, qal li dan l-inċentiv għandu l-għan li jkompli jtejjeb l-istruttura tan-negozji Maltin.

Huwa spjega li permezz ta’ din l-għotja finanzjarja, id-diretturi tan-negozji se jkunu jistgħu japplikaw għall-konsulenza professjonali tal-fiduċja tagħhom sabiex jippjanaw il-futur u s-suċċessjoni ssir b’mod san.

Dr Gerada ħeġġeġ lil negozji ta’ dan it-tip sabiex jirreġistraw mar-regolatur sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskemi u għajnuna professjonali kontinwa.