Lokali
Neħħew iċ-ċoqqa u ċ-ċinġlu biex jibqgħu qrib il-marid

Il-pandemija ħarbtet ir-rutina tax-xogħol ta’ bosta. Ħafna ħaddiema spiċċaw jaħdmu mid-dar bit-teleworking. Mhux kulħadd iżda jista’ jagħmel dan fosthom il-ħaddiema fl-isptar fejn żiedet il-pressjoni fuq l-infermiera u t-tobba fost oħrajn. Laqtet ukoll is-servizz pastorali tal-Patrijiet Kappuċini.

Libes kollox abjad u dieħel l-isptar, tistħajlu xi tabib jew infermier.

Fr Bertrand Vella mhux infermier jew tabib iżda wieħed mit-tliet Kappillani tal-Isptar Mater Dei li jieħu ħsieb s-saħħa tar-ruħ. F’dan iż-żmien daqstant kritiku u diffiċli, il-ħidma pastorali tiegħu u taż-żewġ Kappillani l-oħrajn, Fr Mario Borg u Fr Elmar Pace, hija li jsostnu spiritwalment lill-ħaddiema u pazjenti.

“Nippruvaw inġibu dik l-umanità, dik it-tbissima u dik il-preżenza t’Alla li fl-aħħar mill-aħħar kulħadd ikollu bżonn ħdejh jew ħdejha,” qal Fr Bertrand Vella.

Qabel feġġet il-Covid-19 f’Malta, fl-Isptar Mater Dei kien hemm sitt patrijiet Kappcuni iżda tlieta minnhom kellhom jibqgħu fil-kunventi għax huma anzjani u aktar vulnerabbli għall-mard.

Bil-għan li jnaqsu r-riskji għal sħabhom u qrabathom, Fr Bertrand u ż-żewġ Kappillani l-oħra, għamlu għażla oħra diffiċli.

“Qegħdin fiss hawnhekk fl-Isptar, noqgħodu hawnhekk biex kemm jista’ jkun inkunu disponibbli għall-pazjenti u staff li jkunu f’dan l-isptar, jiġifieri qed tgħixu, tieklu, torqdu kollox hawn? Iva eżatt,” kompla Fr Bertrand Vella.

Fr Bertrand qalilna li qed ikollhom josservaw regoli u r-restrizzjonijiet fl-isptar. Minbarra li neħħew iċ-ċoqqa u ċ-ċinġlu, flok iduru minn sala għal oħra, qed imorru qrib il-pazjenti fosthom dawk bil-Covid-19, meta jkunu msejħa biss.

Fr Bertrand qal li “Il-fatt li aħna poġġejna bilqegħda fejn dak il-pazjent u tajnih ċans jesprimi “l-ansjetà li jkun qed iħossu u l-preokkupazzjoni x’jista’ jiġrilu, jiena nara li l-persuna ssib mistrieħ u serħan.”

Qalilna li għalkemm fl-Isptar jħoss arja ta’ biżgħa u inċertezza, jinsab ċert li Alla qed juża t-tobba u l-infermiera biex iwassal il-kura lill-pazjenti kollha.

“F’din ir-realtà li qed ngħixu fiha, minkejja li aħna ta’ bnedmin li aħna nħossu dan it-toqol u dan il-piż u forsi toħroġ il-karba jew tgergira ‘Fejn inti Mulej? Għaliex qegħdin ngħaddu minn dan kollu? Jiena li nemmen li Alla hu qrib tiegħi nagħraf illi iva anke jekk sieket, Alla huwa miegħi, u jekk Alla hu miegħi xejn ma jista’ jkun kontra tiegħi, lanqas l-istess virus u jien inserraħ rasi wkoll bil-kura u l-attenzjoni li jiena nara li qegħdin jirċievu l-pazjenti tagħna f’dan l-isptar Mater Dei,” spjega Fr Bertrand.

Fr Bertrand qalilna li l-akbar tagħlima tal-ħajja f’din il-pandemija hi li qed napprezzaw aktar il-preżenza ta’ xulxin.

Hu u sħabu qed jesperjenzawha wkoll meta darba kull tliet ijiem jilbsu ċ-ċoqqa u jmorru għall-ikel tal-ġurnata fil-kunvent ta’ San Ġwann.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Waqt li l-Gvern Spanjol beda jerħi wħud mill-aktar restrizzjonijiet ebsin kontra l-virus, l-isptar del Mar f’Barċellona ħa inizjattiva li jieħu lill-pazjenti bil-coronavirus ħdejn il-baħar. Tim mediku mill-isptar Hospital del Mar,…

Agrikultura

“Marzu jgħidlu ikber, April iżbel u Mejju aħsad.” Hekk jgħid il-Malti għall-qamħ. Żmien il-ħsad tista’ tgħid għadda u minn għelieqi kbar lewn id-deheb illum tilmaħ għexieren ta’ balal ta’ tiben…

Parlament

Id-Deputat Prim Minsitru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern kien infurmat bil-fomm mill-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare f’Malta dwar ix-xiri ta’ ishma ta’ shareholder Amerikan mill-istess Steward Healthcare. …

Trasport

F’toroq battala mill-vetturi matul il-pandemija jidher li l-użu tar-rota żdied, kemm bħala mezz ta’ attività fiżika imma wkoll mezz ta’ trasport alternattiv. Grupp ta’ nisa b’kollaborazzjoni mal-organizzazjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA…

Aktar