X

Neil Zammit jinstab bla ħajja f’Baħar iċ-Ċagħaq

Id-delizzju ta’ Neil Zammit li kien jipprattika kuljum swielu ħajtu meta mar jogħdos bin-nifs ‘il barra minn Baħar iċ-Ċagħaq flimkien ma’ sieħbu. Sigħat ta’ tfittixija kordinati mill-Forzi Armati ntemmet bl-aħbar kerha bis-sejba tal-katavru ta’ Neil f’qiegħ il-baħar.

Sigħat ta’ qtigħ il-qalb għall-qraba u ħbieb ta’ Neil Zammit ta’ 20 sena minn Raħal Ġdid intemmu f’dulur meta wara nofsinhar l-għaddasa tal-Forzi Armati sabu l-katavru tiegħu fuq l-alka f’qiegħ il-baħar. It-tfittxija għal Neil bdiet tard it-Tnejn filgħaxija meta sieħbu li kien qed jogħdos miegħu bil-harpoon irrapporta minnufih wara li Neil baqa’ ma telax f’wiċċ l-ilma. Il-Forzi Armati mill-ewwel bdew it-tiftix fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq u l-White Rocks, iż-żona indikata minn sieħbu. Fit-tfittxija ħadu sehem għaddasa, patrol boats u ħelikopter.

It-tfittxija li ġiet sospiża bil-lejl issuktat mas-sebħ u għal xi ħin kellha tiġi sospiża minħabba li mill-ħelikopter intlemħet ħuta kbira fl-inħawi li kienet ħuta kaħla. Sorsi infurmati qrib l-operazzjoni tat-tiftix qalu lil TVM li l-għaddasa tal-Forzi Armati wkoll kellhom jgħoddsu bin-nifs, flok biċ-ċilindri, biex ikunu jistgħu jkopru medda akbar ta’ baħar waqt li kienu marbuta mad-dinghy bħala prekawzjoni. Kien ftit qabel l-erbgħa ta’ waranofsinhar meta l-katavru ta’ Neil intlemaħ f’qiegħ il-baħar u ttella’ mill-Forzi Armati u ttieħed fil-bażi marittima f’Xatt it-Tiben. L-awtopsja li ser issir l-Erbgħa filgħodu għandha tiddetermina l-kawża tal-mewt.

Neil Zammit kien magħruf bħal għaddas kapaċi fin-nifs li kien jipprattika d-delizzju b’passjoni kif jixhdu filmati ta’ erba’ minuti li huwa stess tella’ dal-aħħar fuq facebook b’xeni mill-isbaħ tal-għads tiegħu, attrezzat b’dak kollu meħtieġ għal dan id-delizzju.

Claude Sciberras minn The Dive Warehouse li kien ilu għal dawn l-aħħar sentejn jagħti tagħmir bħala sponsor lil Neil Zammit għall-passatemp tiegħu, qal lil TVM li Zammit kien jinżel jogħdos kważi kuljum u kien jagħmel dan b’kapaċità u b’passjoni kbira. Is-Sur Sciberras qal li Neil trawwem f’dan id-delizzju minn Ludovick Casha, li sentejn ilu tilef ħajtu fl-istess ċirkustanzi fid-Dwejra minkejja li kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa għaddasa tan-nifs.

Ara wkoll:

ARA: Neil Zammit huwa l-ġuvni li għeb waqt li kien qed jogħdos

 

rg :