Lokali
“Neżżgħuha minn kull umanità biex setgħu jattakkawha” – ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia

Ir-raġel ta’ Daphne Caurana Galizia, Peter qal li l-abnormalità kienet xi ħaġa normali fil-ħajja tagħhom iżda qatt ma kienu jemmnu li kienet se twassal għall-qtil.

L-avukat Caruana Galizia kien qed jixhed fil-Qorti hekk kif bdiet tinstema l-inkjesta pubblika indipendenti dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia quddiem l-Imħallef Emeritu Michael Mallia li huwa ċ-chairperson tal-bord ta’ inkjesta u ż-żewġ membri l-oħrajn, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

Fix-xhieda tiegħu, l-avukat Peter Caruana Galizia qal li kien minn żmien il-kampanja elettorali tal-2013 li l-ħajja privata ta’ martu bdiet issir intollerabbli.

Qal li l-Partit Laburista kien poġġa ritratt ta’ Daphne Caruana Galizia fuq billboard l-Imsida flimkien mal-Prim Ministru u Ministri ta’ dak iż-żmien biex jgħaddi l-messaġġ politiku tal-ħbieb tal-ħbieb. Qal li l-Partit Laburista kien daħħal l-idea li martu kienet titħallas mill-Partit Nazzjonalista biex tikteb kontra l-Partit Laburista iżda dan mhux minnu.

Żied jgħid li minħabba dak il-billboard, kulħadd beda jgħarafha fit-triq u bdew jgħajruha u jobżqulha. Semma numru ta’ inċidenti dwar rapporti foloz li n-nies għamlu fuqha fl-isfond ta’ dik Fli sejjaħ kampanja biex in-nies ma jibqgħux iħarsu aktar lejn martu bħala persuna iżda bħala oġġett. Qal li għalhekk kien sar aktar faċli li tiġi attakkata.

L-avukat Caruana Galizia, qal li fost it-tgħajjir fil-konfront tagħha, is-saħħara tal-Bidnija li ironikament kien użaha l-ewwel darba Lino Cassar biex jiddeskrivi kif Daphne kienet isaħħar lill-qarrejja bil-lingwa li kienet tuża. Qal li l-problema ta’ martu kienet, li tajba wisq u l-blog tagħha mhux l-ewwel darba li kellu nofs miljun vista.

Qal li kien inħoloq blog ‘Taste your own medicine’ u blog li kien jikteb Glen Bedingfield li dak iż-żmien kien impjegat mal-uffiċċju tal-Prim Ministru u kien jitħallas mit-taxxi tal-poplu u jikteb waqt il-ħin tax-xogħol eluf ta’ post fuq Daphne. Żied jgħid li ma setgħu jmorru mkien għax in-nies kienu jagħrfuhom, jeħdulhom ir-ritratti u jibgħatuhom biex jiġu ppubblikati fuq dawn il-blogs.

Peter Caruana Galiza qal li mbagħad qisu kien hemm pjan minn kulħadd li jiftaħ kawżi ta’ libelli u jdejjaqha. Sal-ġurnata tal-mewt kellha aktar minn 40 każ ta’ libell x’tiffaċċja. Qal li bdiet ukoll tirċievi mingħand Henley & Partners li se jiftħu kawża ta’ libell kontriha barra minn Malta u dawn kellhom il-barka biex jagħmlu dan tal-Prim Ministru, tal-Ministru Owen Bonnici, tal-eks Chief of Staff Keith Schembri. Żied li l-Bank Pilatus ukoll kien fetaħ każwa ta’ libell kontriha fl-Istati Uniti.

Qal li bdew jaqbdu magħha tal-VAT u bdew jivvintaw minn kollox biex iwaqqfuha. Qal li l-protezzjoni tal-pulizija waqqfet fl-2013 meta tneħħa minn Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo.

Fix-xhieda tiegħu, ir-raġel ta’ Daphne semma l-każ li seħħ waqt il-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat meta l-eks Sindku taż-Żurrieq Ignatius Farrugia u nies oħra li kienu miegħu, bdew jgħajruha u spiċċat ħadet refuġju fil-kunvent tal-patrijiet. Qal li dwar il-każ kienu tressqu l-Qorti u nstabu ħatja iżda mbagħad kien hemm l-iżball tal-Imħallef Giovanni Grixti fl-appell li rriżulta f’maħfa għal Ignatius Farrugia.

Qal li meta kitbet fuq il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, bdiet tirċievi ħafna ittri anonimi u hu kien anki sab manetti fil-letterbox liema sejba qal li kien żamm mistura minn martu sal-mewt. Qal li Scerri Herrera kienet anki fetħet kawża kontra martu li iżda mbagħad irtiratha.

L-avukat Peter Caruana Galiza qal li kieku l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ħadu l-passi li kellhom jieħdu fuq korruzzjoni meta martu bdiet tikteb dwar il-Panama Papers u l-Electrogas fost oħrajn, kieku llum martu għadha ħajja. Qal li minflok daħal sens ta’ impunità. Qal li meta jħares lura, jara li kien hemm sforz kontinwu biex jgħalqulha ħalqha u meta ppubblikat l-istorja dwar Egrant, spiċċat kontinwament mgħajjra u mibgħudha minn nies mingħajr ma kienu jaqraw x’kienet tikteb.

Fl-aħħar snin bdew jgħajruha anki hate blogger tant li anki meta qatluha, in-nies kienu jgħidu li kien ħaqqha. Qal li qatt ma kien hemm xi stqarrija mill-Gvern sabiex iwaqqfu dan it-tip ta’ kliem ta’ mibgħeda u semma anzi stqarrija li kien ħareġ il-Ministru Owen Bonnici li fih kien irrefera għal Daphne Caruana Galizia bħala hate blogger.

Qabel l-avukat Peter Caruana Galizia, xehed ukoll ibnu Matthew. Il-bord se jkompli jisma x-xhieda tal-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia l-ġimgħa d-dieħla.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Inqas minn xahar bogħod mill-Karnival, karru satiriku qajjem kontroversja. L-awtoritajiet iridu li l-karristi jbiddluh biex ma jkunx offensiv waqt li l-karristi qed jiddefendu l-idea tal-karru u jgħidu li ma ġietx…

Trasport

Minn nhar is-Sibt it-traġitti bil-passiġġieri bejn Malta u Kemmuna ser jibdew isiru minn Kooperativa Comino Ferries li fiha seba’ operaturi. Il-koperattiva kienet l-uniku operatur li għamel l-offerta wara sejħa pubblika…

Lokali

Persuni b’mard kroniku jew diżabilità qed iħossuhom diskriminati li kumpaniji tal-assikurazzjoni mhux qed iħalluhom jixtru polza ta’ assikurazzjoni fuq ħajjithom li mingħajrha ma jistgħux jieħdu self mill-bank jew possibilment jibdew…

Lokali

Il-missjoni tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, bħala organu mwaqqaf mill-Kostituzzjoni, hi li tassigura li l-ingaġġ ta’ ħaddiema maċ-ċivil ikun effiċjenti u bbażat fuq il-mertu. Il-Kummissjoni tieħu ħsieb ukoll il-proċeduri dixxiplinarji fil-konfront tal-ħaddiema…

Aktar