Kultura
N(h)ar fir-roundabout ta’ Santa Luċija – installazzjoni b’messaġġ ta’ tama u li flimkien naslu

Nar fir-roundabout ta’ Santa Luċija! Xejn iżda ta’ tħassib jew periklu! N(h)ar hi t-tema ta’ installazzjoni artistika li se tkun qed issebbaħ dan il-post f’arterja prinċipali tat-traffiku fin-naħa t’isfel ta’ Malta li nbniet mill-ġdid bħala parti minn proġett ta’ mini ġodda li jgħaddu minn taħtha. Kumpaniji ta’ periti u artisti lokali kważi lestew ix-xogħol fuq N(h)ar. Ma’ Television Malta spjegaw il-kunċett u t-tifsira ta’ din l-istallazzjoni artistika, waħda minn diversi magħżula minn Infrastructure Malta biex issebbaħ proġetti tagħha.

Fir-roundabout ta’ Santa Luċija ntramaw 120 kolonna tal-azzar li jilħqu għoli sa 4 metri. Flimkien jiffurmaw installazzjoni artistika ġdida disinjata minn tim ta’ periti u artisti fi ħdan il-kumpanija I+A li ħadmet ma’ ħaddiema li jispeċjalizzaw f’xogħol ta’ metall biex ħadmu l-kolonni u partijiet oħra f’imħażen fix-Xgħajra u Kordin. Il-Perit William Bondin spjega li l-kunċett tal-installazzjoni jitlaq mit-tifsira doppja tal-kelma nhar.

“Bil-Malti tista’ tfisser fire u nhar tista’ tfisser ukoll jum jew ġurnata bħalma ngħidu nhar it-Tnejn jew nhar it-Tlieta. Nhar fl-istorja tal-bniedem dejjem kien simbolu ta’ tama, anke l-ġurnata hi simbolu ta’ tama, mentri l-lejl hu żmien ta’ inċertezza. L-installation hi maghmula minn 120 membru. Flimkien, il-kollettiv hu importanti. Dan hu s-simbolu warajha u l-messaġġ li nixtiequ nwasslu permezz ta’ dan ix-xogħol, li oġġett wieħed waħdu, jew bniedem wieħed waħdu jintilef. Imma meta nkunu grupp, kollettiv, flimkien, spalla ma’ spalla, nistgħu noħolqu xi ħaġa interessanti u l-messaġġ jasal aktar.”

Jonqos l-aħħar irtokki fuq is-sistema tad-dawl biex dawk li jgħaddu mill-inħawi jgawduha wkoll filgħaxijiet u mal-lejl, bil-fjammi jixgħelu bħal raġġi ta’ tama.

L-Inġinier Robert Schembri minn Infrastructure Malta spjega li din hi waħda minn sittax-il biċċa xogħol artistika li ntgħażlu f’sejħa pubblika għal tisbiħ ta’ proġetti infrastrutturali. S’issa ġew kummissjonati ħamsa. Apparti N(h)ar, l-erbgħa l-oħra jsebbħu l-proġett tal-junction tal-Marsa.

“Dik li qed naraw warajna, Nhar, hi wahda minn dawk is-16 il-submission li ressqu l-artisti. S’issa waħħalna 2 xogħlijiet artisitiċi: Tipping Point ta’ artist li hu Cipriott. Ohra li hi Sema li hi tal-istess artisti. Ghandna 2 ohra kuntrattjati: Ascension ta’ Mizzi Studio u Tisliba ta’ Paul Haber. L-ahhar tnejn ghadhom ma wehlux. Huma lesti u jehlu fil-granet li ġejjin.”

B’kollaborazzjoni mal-MCAST, saret l-ewwel gallarija tal-arti fil-beraħ b’xogħlijiet tal-istudenti f’nofs il-ġnien vertikali tal-Marsa-Hamrun By-Pass. Kelliem għal Infrastructure Malta qal li qed ikunu pjanati kollaborazzjonijiet simili ma’ istituzzjonijiet edukattivi oħrajn.