Politika
“Nimxu ’l quddiem biss jekk inżommu spirtu ta’ tim – Tim Malta” – il-PM

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, stieden lill-Oppożizzjoni biex fil-fora Ewropej tiġbed ħabel wieħed mal-Gvern dwar il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment u l-immigrazzjoni. F’attività politika f’Tas-Sliema, il-Prim Ministru qal li determinat li jkompli jtejjeb l-istandards tal-governanza filwaqt li wera ruħu fiduċjuż li l-pajjiż jgħaddi mit-test tal-Moneyval, li qal hu kruċjali għal Malta.

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li l-pandemija kienet l-aqwa eżempju ta’ kif jingħelbu l-ostakli billi kulħadd jiġbed ħabel wieħed u nżommu l-ispirtu ta’ għaqda nazzjonali, li sejjaħlu Tim Malta. Il-Prim Ministru qal li din hi turija li l-aħna hu ikbar mill-jien u wera l-fehma li l-imxija ħarġet il-karatteristiċi sbieħ tas-solidarjetà tal-poplu.

F’attività politika f’Tas-Sliema, Dr Abela qal li wasal il-mument li l-istess għaqda tintwera bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fil-fora Ewropej fuq il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment. Semma li l-flus li ġemma l-Gvern minn dan il-programm servew ta’ sostenn għall-ekonomija waqt il-pandemija. Saħaq li l-Gvern saħħaħ l-għarbiel tal-programm filwaqt daħħal miżuri li jżidu t-trasparenza.

Il-Prim Ministru Abela tenna l-istess appell dwar l-immigrazzjoni illegali. Irrimarka li l-immigrazzjoni hi sfida enormi li l-pajjiż ilu jħabbat wiċċu magħha s-snin. Wissa li din l-problema mhi se titlaq qatt u f’Ġunju se terġa’ tirranka. Tenna li l-pajjiż ma jiflaħx jerfa’ iżjed piż u qal li l-għajta tan-nies ma tistax tkun injorata.

Waqt li elenka l-bidliet li saru fil-qasam tal-governanza, Dr Abela qal li mhux aċċettabbli d-dewmien li hemm fil-Qrati. Irrikonoxxa li dan qed isarraf fi tbatija għan-nies għax qed idumu biex issir ġustizzja magħhom. Stqarr li hu determinat li jindirizza l-problema li iżda qal is-soluzzjoni mhux se tinstab mil-lum għall-għada.

Dwar il-Moneyval, il-Prim Ministru qal li l-Gvern irid li jkompli jtejjeb l-istandards tal-pajjiż mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd. Iddeskriva dan l-eżami bħala kruċjali għall-pajjiż. Dr Abela wera ruħu fiduċjuż li l-pajjiż jgħaddi minn dan it-test għax argumenta li fl-aħħar xhur wera biċ-ċar li jrid itejjeb l-istandards fosthom biż-żieda fir-riżorsi għall-Financial Intelligence Analysis Unit u għat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi tal-Pulizija.

Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tal-ġurnaliżmu bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija. Tenna li se jiddefendi x-xogħol tal-ġurnalisti kollha inkuż dawk li jaħdmu mal-Partit Nazzjonalista. Dwar meta se jitqassmu l-vawċers, Dr Abela serraħ moħħ kulħadd li meta l-Gvern jagħti kelma, iżomm magħha għax qal li fuq kull kwistjoni, in-nies jafu fejn qegħdin mal-Gvern.