Lokali
AĠĠORNAT 7: Xadini, emu u panteri jmutu fin-nirien tal-Imtaħleb

Mill-inqas sitt annimali – fosthom pappagalli, xadini, emu u żewġ panteri – mietu wara nar qawwi li żviluppa mas-sebħ fil-park tal-annimali fl-Imtaħleb, li kważi nqered għal kollox.

Mal-mitt annimal ieħor fosthom tigri, ljuni, tjur, orsijiet u kelba b’sitt iġriewi ta’ ftit jiem ġew salvati f’ħidma delikata u f’waqtiet perikoluża kkordinata mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili, l-uffiċjali tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali u l-Pulizija tal-ALE.

Filmati minn ġewwa tal-park tal-annimali eżotiċi fl-Imtaħleb juru d-dannu kbir li ġarrab il-post, fosthom id-daħla għall-post li nqerdet għal kollox.

Minn tagħrif miksub minn fuq il-post jirriżulta li t-tigri u l-iljuni għadhom ħajjin, iżda se jingħataw il-loppju biex ikunu jistgħu jiġu trasportati f’post sikur. L-orsijiet jidher li salvaw billi qabżu għal ġo vaska bl-ilma li kienet fil-viċin.

Fost l-annimali li ġew salvati mill-uffiċjali tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali Raymond Calleja u Nora Agliano,  kien hemm kelba u sitt iġriewi ta’ ftit jiem, li daħlu fin-nar biex joħorġuhom ħajjin.

Madankollu xi annimali laqħu mietu, fosthom żewġ xadini, emu u leoparda.

In-nirien żviluppaw kmieni dalgħodu u minbarra li qerdu partijiet estensivi tal-park, ikkaġuna l-mewt ta’ xi annimali eżotiċi.  Il-kawża tan-nar għad mhix magħrufa, iżda aktarx seħħ minħabba li żviluppa short circuit fuq wara tal-park.

Fuq il-post marru l-pumpiera mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll il-Pulizija, u anke ħaddiema mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali sabiex isalvaw lill-annimali li jinsabu fil-periklu li jinħarqu min-nirien.  Infatti għaddejja ħidma sfieqa fuq il-post qed jiġu sabiex jiġu salvati kemm jista’ jkun annimali.

In-nirien kmieni dalgħodu
Il-partijiet milquta min-nirien
Il-ħsara tan-nirien fuq ġewwa
Uħud mill-annimali salvati
Id-daħla tal-park qabel inqerdet min-nirien
Il-klieb salvati min-nirien

Ara wkoll:

“Kienet sfida biex noħorġu l-annimali mbeżżgħin min-nar”