Kronaka
Il-baqar jeħilsuha ħafif wara nirien f’razzett

Razzett tal-Baqar fit-triq li tagħti għal Ħad-Dingli inħaraq għalkollox wara li nħakem minn nirien qawwija matul il-lejl. Filwaqt li l-kawża tan-nirien għadha mhix magħrufa, is-sid tar-razzett qal li l-ħsara tilhaq mal-€40,000 iżda b’xorti tajba l-baqar ma ġralhom xejn.

Razzett f’Ħad-Dingli għat-tieni darba f’erba’ snin ġarrab ħsarat estensivi f’nirien qawwija li ħakmuh il-lejl li għadda. In-nar jidher li beda għal ħabta tal-11pm mill-bajli tat-tiben li jintużaw bħala mgħallef għall-baqar. In-nirien tant kienu qawwija li d-dħaħen kienu għadhom jippersistu sa kmieni waranofsinhar minkejja li għamlet ix-xita.

Kelliem għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qal li damu ħames sigħat sakemm ikkontrollaw in-nirien matul il-lejl biex ma jħalluhx jkompli jinfirex. Qal li xi għal xi raġuni n-nar reġa’ tkebbes matul il-jum u l-pumpiera baqgħu għaddejjin bl-isforzi tagħhom biex jippruvaw jitfu l-ġamar. L-operazzjoni tat-tifi tan-nar matul il-lejl u bin-nhar involviet sittax-il pumpier u sitt vetturi tat-tifi tan-nar.

Is-sid tar-razzett Raymond Azzopardi qal lil TVM li kien rieqed fid-dar tiegħu meta l-pulizija għarrfuh li r-razzett kien inħakem minn nirien.

Imbikkem bix-xena li kien qed jara quddiemu, qal li r-razzett kien inħaraq bl-istess mod erba’ snin ilu. Huwa qal li jistma li l-ħsara tilhaq mal-€40,000. Il-baqar ħelsuha min-nirien u ħadd ma weġġa’.

Żewġ karozzi li kienu qrib ir-razzett inħarqu għalkollox.

Kelliema għall-pulizija kkonfermaw li l-investigazzjonijiet qed jissoktaw. Il-Maġistrat tal-għassa ġie infurmat bil-każ u fetaħ inkjesta.